36 produttur tal-films lokali se jibbenefikaw minn investiment ta’ kważi €2 miljun

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 4 July 2025

Total ta’ 36 produttur tal-films Maltin se jibbenefikaw minn total ta’ €2 miljun f’investiment fil-proġetti tagħhom, hekk kif il-Kunsill Malti għall-Arti ħabbar il-lista ta’ proġetti magħżula taħt l-Iskema ta’ Appoġġ għall-Iskrin.

Din l-iskema, li hija maqsuma f’ħames faxex, għandha l-għan li ssaħħaħ oqsma ewlenin fl-istess settur li ġew identifikati li għandhom bżonn prijoritizzazzjoni u appoġġ.  Kull fergħa tappoġġja xogħlijiet awdjoviżivi f’kull stadju tal-iżvilupp – mill-kitba tal-iscripts tal-produzzjoni, b’fokus ewlieni fuq il-kreattività, il-kwalità, u l-valur kulturali.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr li għat-tieni sena konsekuttiva qed jinvestu bis-saħħa fl-industrija domestika tal-films ta’ Malta, u b’hekk ikkonsolidaw l-impenn sabiex jipprijoritizzaw is-settur u jaraw li dan jirċievi aktar appoġġ. Spjega li s-sena li għaddiet kien hemm investiment ta’ €1 miljun li ġie mmirat lejn produtturi tal-films Maltin, l-ewwel darba li seħħet xi ħaġa hekk fl-industrija. Kompla li din is-sena żiedu l-investiment għal €2 miljuni li se jiġu mogħtija lill-produzzjonijiet lokali.

“Nemmnu b’saħħa fit-talenti u l-kapaċitajiet tal-produtturi tal-films tagħna; tant hu hekk li aħna għamilna dan parti mill-wegħdiet elettorali tagħna, u wegħdna li noffru lil din l-industrija lokali r-rikonoxximent u r-riżorsi li din jixirqilha. Aħna se nkomplu nwettqu din il-wegħda—mhux b’miżura ta’ darba, iżda bi pjan ċar li indubbjament se jsaħħaħ l-ekosistema awdjoviżivi fl-intier tagħha, u għaldaqstant jgħinha tilħaq il-potenzjal tagħha. L-investiment tagħna qiegħed jaħsad il-frott, u nħarsu ’l quddiem li narawh,” temm jgħid il-Ministru Owen Bonnici.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Luke Dalli qal li għal din l-iskema kien hemm konkorrenza b’saħħitha li juri kemm hawn entużjażmu u kapaċità f’dan il-qasam, u kompla jgħid li għal dan il-għan, il-Kunsill Malti għall-Arti se jibqa’ kommess li jsaħħaħ il-fond. “L-għan tagħna jmur lil hinn mill-appoġġ finanzjarju biss. B’din l-iskema qed nibnu pjattaforma ta’ tkabbir sostenibbli, fejn il-kreattivi mhux biss isibu l-fondi, imma wkoll mentoring, żvilupp professjonali, u għodod ta’ kollaborazzjoni,” qal Luke Dalli.

Fil-ġranet li għaddew il-Kunsill nieda wkoll is-sitt fergħa ta’ din l-iskema, li tgħin fl-istadju tal-promozzjoni ta’ produzzjonijiet kulturali u kreattivi awdjoviżivi li tlestew sa mhux aktar minn 18-il xahar qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni kompluta. Din il-fergħa hija mmaniġġjata fuq bażi ta’ rolling call u ser tagħlaq fit-18 ta’ Novembru 2025 jew meta il-fond ikun kollu żborżat.  Il-linji gwida jinsabu online fuq is-sit tal-Kunsill.

Għal aktar informazzjoni fuq il-proġetti magħżulin żur https://www.artscouncilmalta.gov.mt/.​

Skip to content