Nemmnu li l-kultura tista’ tkun katalista li trawwem komunitajiet diversi u inklużivi – fejn kulħadd jiġi trattat b’dinjità u rispett, kif ukoll jiġi valorizzat u appoġġat b’mod ekwu fit-twettiq tad-drittijiet kulturali tiegħu jew tagħha. Għandna l-għan li nippromwovu u nirsistu għall-ħarsien u t-twettiq tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ kull persuna (kemm individwalment u kemm fil-komunità) sabiex tiżviluppa l-potenzjal sħiħ tagħha u tesprimi l-umanità tagħha, il-fehma tagħha u t-tifsira illi tagħti lill-eżistenza u lill-iżvilupp tagħha permezz ta’ valuri, twemmin, konvinzjonijiet, lingwi, għarfien, l-arti, l-istituzzjonijiet u modi ta’ ħajja. Proċessi ta’ identifikazzjoni u żvilupp bħal dawn iseħħu biss jekk il-wirt kulturali u r-riżorsi jiġu protetti u l-aċċess għalihom jiġi mbuttat ’il quddiem. F’dawn il-komunitajiet nippermettu u nappoġġaw l-awtentiċità u l-ħsieb kritiku, nippromwovu sensibilizzazzjoni rigward narrattivi diversi u nirrikonoxxu l-isfidi u l-opportunitajiet. Irridu niżguraw li kulħadd, ikun min ikun – irrispettivament mis-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, l-età, id-diżabbiltà, l-orjentazzjoni sesswali jew it-twemmin reliġjuż u l-qasam tal-ħajja tiegħu – ikollu aċċess għall-kultura u l-arti u għall-benefiċċji u l-benessri li dawn jiġġeneraw.
Se naħdmu mal-organizzazzjonijiet u mal-individwi kollha – fil-livelli lokali, nazzjonali u internazzjonali – minn kull settur li jkollu dawk ir-responsabbiltajiet ewlenin illi kapaċi jappoġġaw ir-rwol ċentrali tal-kultura fil-bini ta’ soċjetà aktar ġusta, aktar prospera u aktar reżiljenti. Fl-istess ħin għandu jkun hemm ingaġġ attiv f’dibattiti lokali, reġjonali u globali kif ukoll iffurmar ta’ żvilupp sostenibbli fil-komunitajiet u l-isfera kulturali. Biħsiebna naħdmu wkoll ma’ dawk kollha li jkunu ankrati fil-komunitajiet lokali u li jkollhom ir-riżorsi biex jisfruttaw l-innovazzjoni fil-kultura, fid-dimensjoni soċjali u fil-kontenut għall-benefiċċju tal-komunitajiet u tas-soċjetà. Nemmnu li nistgħu nsaħħu dan l-approċċ billi nippromwovu u ninvestu f’miżuri li jkattru l-parteċipazzjoni kulturali attiva, iqawwu l-iżvilupp tal-udjenza u jappoġġaw l-iżvilupp artistiku ġenerali b’inizjattivi mmexxija mill-komunità.
Biħsiebna nippermettu, nappoġġaw u niddefendu t-twettiq tad-drittijiet kulturali u nitkellmu favur diversità, ekwità u inklużività akbar bħala komponenti fundamentalment inkorporati tal-Istrateġija tagħna.