Meta fl-2015 nidejna l-Istrateġija2020 is-setturi kulturali u kreattivi lokali kienu f’qagħda ferm differenti minn dik tal-lum. Minn dakinhar żdiedu iżjed minn qatt qabel l-investimenti tal-Gvern fis-setturi, kotrot il-preżenza Maltija fi ħdan il-komunità artistika internazzjonali kif ukoll inħolqu sħubiji lokali u internazzjonali aktar b’saħħithom. Rajna wkoll żieda fil-bażi tal-għarfien rigward kif jiffunzjonaw is-setturi u l-impatt soċjali u kulturali ġenerali tagħhom, filwaqt li b’mod dirett jew indirett ibbenefikaw aktar nies mill-finanzjamenti pubbliċi. L-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi kif ukoll l-organizzazzjonijiet kulturali indipendenti tejbu l-bini tal-kapaċità tagħhom b’ritmu esponenzjali, filwaqt li baqgħet tingħata prijorità akbar lill-edukazzjoni fl-arti u lill-iskejjel permezz ta’ kollaborazzjonijiet ma’ artisti biex jitwessa’ l-esponiment taż-żgħażagħ għall-arti.
Dan kien il-frott ta’ kollaborazzjoni produttiva bi sforzi kuraġġużi flimkien ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, kemm mas-settur pubbliku kif ukoll mal-artisti u mal-operaturi kulturali kollha, li tul dawn l-aħħar snin, bid-dinamiżmu, il-kreattività u l-innovazzjoni tagħhom, arrikkew lis-setturi b’mod sostanzjali. Il-KMA jinsab fiduċjuż biżżejjed biex jgħid illi tul is-snin kellu rwol ċentrali fl-investiment, fil-promozzjoni u fl-appoġġ biex iqawwi u jiffaċilita dawn il-progressi.
Madankollu, il-KMA huwa konxju ħafna tal-isfidi li għadhom preżenti u li għandu jindirizza fis-snin li ġejjin. B’mod partikulari, għandu l-għan li jiffoka fuq l-ingaġġ kreattiv u artistiku mifrux għal kull età, speċjalment fid-dawl tal-isfidi li kellu jħabbat wiċċu magħhom mill-2020. Biħsiebu jiftaħ opportunitajiet ġodda billi, bħala punt ta’ tluq, jiffaċilita kollaborazzjonijiet aktar b’saħħithom bejn istituzzjonijiet edukattivi u organizzazzjonijiet kulturali.
B’mod ġenerali nistgħu nqisu li l-Istrateġija2020 kienet suċċess minkejja li ħtiġilna naffrontaw sfidi sinifikanti, b’mod speċjali meta wasalna lejn tmiemha, kaġun tal-impatt tal-pandemija fuq is-setturi. Madankollu dan tana l-motivazzjoni biex naħsbu mill-ġdid il-mod kif insostnu l-iżvilupp tas-setturi. L-għan kien li nużaw din l-opportunità biex nittrattaw il-bżonnijiet u t-tħassib tas-setturi u tal-pubbliku b’rabta mal-arti u l-kultura. Dan kien rifless fiż-żieda fil-mekkaniżmi parteċipattivi li addottajna biex immexxu l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika lejn l-Istrateġija 2025 li involva djalogi estensivi mal-pubbliku u mar-rappreżentanti tas-setturi, kif ukoll riflessjonijiet u evalwazzjonijiet interni dwar sfidi u opportunitajiet differenti.
Fl-isfond tat-tnedija tal-Politika Kulturali Nazzjonali 2021 li ppubblikajna f’Settembru 2021, l-Istrateġija 2025 għandha l-għanijiet li timplimenta l-politika f’konformità mal-prijoritajiet u mal-impenji tagħha ħalli tħaddan il-kultura għall-benessri ta’ kulħadd, filwaqt li tenfasizza l-importanza tad-drittijiet kulturali fil-kuntest tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u tittratta direttament l-Istatus tal-Artisti – xi ħaġa li ħarġet saħansitra iżjed fid-dieher minn mindu bdejna ngħaddu mill-isfidi tal-avvenimenti globali li żvolġew dan l-aħħar.
L-Istrateġija 2025 tfasslet flimkien man-nies illi ser jintlaqtu minnha l-aktar. Għaldaqstant qegħdin nipprattikaw l-approċċ parteċipattiv – wieħed mill-objettivi ewlenin ta’ din l-Istrateġija – b’mod immedjat. Il-verbi Isma’ Oħloq Imraħ isawru l-mantra li tiġbor fiha l-aħjar il-mod kif il-Kunsill Malti għall-Arti biħsiebu jqawwi t-tkabbir sostenibbli u inklużiv tas-setturi kulturali u kreattivi bħala elementi integrali għall-benessri tagħna lkoll. Is-sostenibbiltà u l-inklużività se jintlaqgħu b’mod olistiku u komprensiv fid-direzzjonijiet tal-politika, fil-finanzjament u fl-investiment.
Minn meta bdejna nabbozzaw l-Istrateġija 2025, ġbarna rispons siewi ħafna minn gruppi ta’ partijiet interessati tal-KMA, inklużi prattikanti kulturali u kreattivi, organizzazzjonijiet, rappreżentanti tas-settur u entitajiet pubbliċi fi ħdan u/jew b’interess fl-arti u l-kultura. Ir-rispons tana x’nifhmu li qegħdin fit-triq it-tajba fl-indirizzar tal-isfidi u l-ambizzjonijiet ewlenin tas-settur, u dan jagħmlilna kuraġġ. Il-KMA japprezza wkoll u huwa grat għall-ħin iddedikat, għas-suġġerimenti u l-kummenti kollha li wasslu għat-titjib li sar fl-Istrateġija 2025.
Issa, il-KMA se jippreżenta l-Istrateġija 2025 finali u se jwittilna t-triq fl-erba’ snin li ġejjin. L-impjegati tal-KMA jinsabu ħerqana li jibdew jaħdmu mal-partijiet interessati sabiex ikomplu jingħataw l-appoġġ u l-promozzjoni għall-iżvilupp tas-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta.
Strateġija 2030
Il-Kunsill qed jassessja l-impatt tal-Istrateġija 2025 permezz ta’ laqgħat u intervisti fil-fond. Beda billi qed iniedi l-proċess internament, bis-saħħa tal-kumpanija tal-iżvilupp tal-politika u l-istrateġija EMCS li rebħet sejħa għal stimi. Fl-ewwel fażi, dik interna, esprimew rwieħhom il-Kap Eżekuttiv Dr Luke Dalli, il-kap tal-fondi Rita Falzon, u t-tim tal-istrateġija magħmul minn Dr Simone Inguanez, Dr Nikki Petroni, Glen Calleja, Nicole Bugeja, Ġorġ Vella u Dr Karsten Xuereb li qed jikkoordina l-istudju.
Fl-istess ħin, il-Kunsill sema’ wkoll mill-Grupp ta’ Ħidma ta’ Rappreżentazzjoni Settorjali,
magħmul minn prattikanti esperti f’oqsma differenti tal-kultura u l-kreattività, u membri tal-organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi. Dawn qassmu r-riflessjonijiet tagħhom dwar Strateġija 2025 u qed jgħinu fil-bini ta’ Strateġija 2030.
Din il-ħidma qed timxi id’ f’id ma’ riċerka ta’ kull dokument, rapport, statistika u kitba kritika li taf tolqot l-iżvilupp tas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi f’Malta.
Dan il-qafas ser jgħin fit-tfassil tal-konsultazzjoni pubblika li ser issir bejn tmiem Awissu u
l-bidu ta’ Settembru, permezz ta’ sessjonijiet miftuħin għal kull min jipprattika fis-setturi msemmija, u għandu interess fl-iżvilupp tal-qasam. Din il-fażi ser titmexxa mill-kumpanija ta’ riċerka PKF li rebħet sejħa għal stimi speċifika għal dan ix-xogħol.
L-aħħar fażi tal-konsultazzjoni ser issir permezz ta’ abbozz tal-istrateġija l-ġdida li għalih il-pubbliku jkun jista’ jirreaġixxi.
Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kunsill ser ikun qed joħroġ id-dati tas-sessjonijiet pubbliċi, u jħejji d-dokument għall-konsultazzjoni.
Il-proċess jasal fi tmiemu lejn tarf is-sena 2025 biex iservi ta’ għodda ta’ direzzjoni, inkluż linji gwida bbażati fuq valuri u prinċipji mħaddna mis-settur, mill-2026 sal-2030.
Flimkien ma’ din ir-riċerka l-Kunsill ser iniedi reviżjoni tal-istruttura tal-programm tal-fondi, u oħra li tħares lejn l-impatti tas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi fuq l-ekonomija u s-soċjetà.
L-ewwel risponsi u riżultati juru li l-istrateġija l-ġdida ser tibni fuq is-suċċessi tal-istrateġija attwali u tagħmel dan billi tissokta l-ħidma favur il-professjonalizzazzjoni fis-settur li tista’ tikkontribwixxi għal impatt kulturali, ekonomiku u soċjali aktar sostenibbli.