Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-Padiljun ta’ Malta għall-Biennale tal-Arti ta’ Venezja fl-Italja. Il-padiljun ġie kkummissjonat mill-Kunsill Malti għall-Arti. Din is-sena Malta ser tiġi rrappreżentata mill-artist solista Matthew Attard bil-proġett innovattiv tiegħu I Will Follow the Ship.
Il-wirja ta’ Attard tgħaqqad graffiti fuq vapuri storiċi misjuba madwar il-gżejjer Maltin mat-teknoloġija diġitali bħala prattika kontemporanja tat-tpinġija. Il-kokuraturi ta’ I Will Follow the Ship huma Elyse Tonna u Sara Dolfi Agostini. Maria Galea u Galleria Michela Rizzo qegħdin jissorveljaw il-ġestjoni tal-proġett mentri Vincenzo Casali hu l-perit konsulent u Joey Borg qiegħed jieħu ħsieb il-programmazzjoni u l-iżvilupp tas-softwer tal-proġett.
F’diskors li ta f’Venezja f’din l-okkażjoni l-Ministru Bonnici spjega kif La Biennale di Venezia hu wieħed mill-aktar istituzzjonijiet internazzjonali prestiġjużi fis-settur kulturali għall-preżentazzjoni u l-promozzjoni tal-arti kontemporanja. Qal li wara assenza twila ta’ 17-il sena, is-60 edizzjoni tal-Biennale ta’ Venezja ser timmarka r-raba’ parteċipazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti bil-Padiljun Nazzjonali tiegħu stess mill-2017, meta Malta reġgħet daħlet fil-Biennale bl-esibizzjoni Homo Melitensis: Storja mhux kompluta fi 19-il kapitlu. Il-Kunsill Malti għall-Arti kien ikkummissjona wkoll il-parteċipazzjoni ta’ Malta fl-edizzjonijiet tal-2019 u tal-2022, b’Maleth / Haven / Port—Heterotopias of Evocation” u Diplomazija Astuta rispettivament.
Il-Ministru Bonnici qabelxejn irringrazzja lill-Kunsill Malti għall-Arti u t-tmexxija tal-Kap Eżekuttiv Albert Marshall. Stqarr ukoll li l-Kunsill qiegħed jagħmel xogħol kruċjali fil-promozzjoni tal-artisti lokali, kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall stqarr li Matthew Attard hu l-eżempju perfett ta’ artist żagħżugħ minn pajjiż żgħir illi rnexxielu jegħleb il-limiti ġeografiċi. Qal ukoll li l-perseveranza u d-determinazzjoni tiegħu li jirnexxi, flimkien mal-passjoni tiegħu għall-arti u t-talent straordinarju tiegħu, wassluh lejn Venezja.
Marshall spjega li t-tema tal-Biennale, Foreigners Everywhere, tassew għandha reżonanzi mal-Padiljun ta’ Malta, qabelxejn għax il-punt tat-tluq tagħna stess u n-“nucleo storico” (l-isem mogħti lil għażla speċjali tal-International Exhibition of Art) huma graffiti umli u anonimi fuq vapuri li – għad illi jinsabu madwar Malta u huma parti mill-wirt kulturali għani tagħna – jinsabu wkoll f’bosta pajjiżi u postijiet fil-Baċir tal-Mediterran. Marshall awgura li t-tim Malti fil-Biennale jkollu suċċess kbir filwaqt illi rringrazzja wkoll lid-Direttur tal-Fondi u l-Istrateġija fil-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi, lill-Kap Eżekuttiv tal-Internazzjonalizzazzjoni Dr Romina Delia li qiegħda tmexxi l-Padiljun ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezja f’isem il-Kunsill kif ukoll lill-membri l-oħra tat-tim Internazzjonali tal-Kunsill, jiġifieri Dr Frank Psaila (komunikazzjonijiet) u Celine Portelli (kordinatriċi tal-appoġġ).
Waqt it-tnedija l-artist Matthew Attard stqarr li hu unur u responsabbiltà kbira li ġie fdat bl-ewwel Padiljun ta’ Malta individwali fil-Biennale di Venezia. L-interess tiegħu fl-arti tal-pittura ppermettilu jesplora l-intersezzjoni bejn il-graffiti storiċi mnaqqxa fuq vapuri, il-pittura kontemporanja u t-teknoloġija diġitali. Billi jeżamina l-immaġinazzjoni storika permezz tad-data tal-moviment tal-għajnejn miksuba permezz ta’ apparat illi jsegwi u juża l-għajn tal-bniedem bħala għodda tal-pittura, Attard iqanqal riflessjonijiet dwar l-awtur u d-dipendenza kontemporanja fuq it-teknoloġija diġitali filwaqt illi jirrifletti fuq il-fidi bla limitu tagħna f’din tal-aħħar.
Il-kokuratriċi Elyse Tonna – l-iżgħar u l-ewwel kuratriċi Maltija li ffurmat parti mill-iżgħar tim li ppreżenta padiljun Malti fil-Biennale ta’ Venezja – iddeskriviet kif fil-proġett I Will Follow the Ship ix-xbihat fuq il-vapur joħorġu bħala simbolu etern ta’ tama u possibbiltà li jmorru lil hinn mir-restrizzjonijiet taż-żmien u l-inċertezza. Kemm jekk imnaqqax fuq l-ħitan ta’ kappella mikula jew iffurmulat b’mod diġitali dan is-simbolu jirreżona fl-era tal-progress teknoloġiku tal-lum.
Il-kokuratriċi Sara Dolfi Agostini spjegat kif ix-xogħol ta’ Attard jisfida l-kunċetti ta’ awtur, aġenzija u koabitazzjoni billi jġib fil-Biennale l-lingwa franka qawwija tal-komunità marittima. Din hi lingwa franka magħmula minn immaġnijiet residwi li jappartienu lil Malta, lil Venezja u lil kulħadd – mezz ta’ komunikazzjoni bejn il-fruntieri u l-kulturi għall-ilmijiet mhux esplorati tas-soċjetà tal-informazzjoni u tal-ekoloġija usa’ tagħha.
Imwaqqaf fl-1895, La Biennale di Venezia hu pjattaforma għall-esebizzjoni ta’ xogħlijiet ta’ artisti internazzjonali u hu rikonoxxut bħala wieħed mill-aktar istituzzjonijiet kulturali internazzjonali prestiġjużi għall-preżervazzjoni u l-promozzjoni tal-arti kontemporanja.
Il-Padiljun ta’ Malta f’La Biennale di Venezia ser ikun miftuħ għall-pubbliku bejn l-20 ta’ April u l-24 ta’ Novembru 2024.
Bank of Valletta, Malta Tourism Authority, Mapfre Middlesea, Galleria Michela Rizzo, Villa Montallegro S.p.A., Recobel by Halmann Vella, Malta International Airport, Hudson Foundation, People and Skin, i Draw Pen Plotters.
Arsenale, Venezja
20 ta’ April – 24 ta’ Novembru 2024
Anteprima: 17, 18, 19 ta’ April 2024
Il-Kunsill Malti għall-Arti, fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, ħabbar li l-artist Malti Matthew Attard ser jirrappreżenta lil Malta fil-avveniment prestiġjuż tas-60 Esebizzjoni Internazzjonali tal-Arti – La Biennale di Venezia.
Imwaqqaf fl-1895, La Biennale di Venezia hu pjattaforma għall-esebizzjoni ta’ xogħlijiet ta’ artisti internazzjonali u hu rikonoxxut bħala wieħed mill-aktar istituzzjonijiet kulturali internazzjonali prestiġjużi għall-preżervazzjoni u l-promozzjoni tal-arti kontemporanja.
Waqt it-tnedija tal-konferenza għall-aħbarijiet l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr li din ser tkun l-ewwel darba li l-padiljun nazzjonali ser jiġi fdat lil artist Malti wieħed. Spjega li l-proġett ta’ Attard għall-Padiljun ta’ Malta I Will Follow the Ship jesplora ideat dwar l-eżistenza u s-sopravivenza tal-bniedem fil-punt ta’ konverġenza bejn l-istorja u l-ġejjieni, l-esperjenza fiżika u l-input diġitali.
Id-Direttur tal-Finanzjament u l-Istrateġija fil-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi stqarret li permezz tal-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Biennale l-Kunsill ser isaħħaħ l-arti u l-kultura Maltija fil-livell internazzjonali filwaqt illi jippromwovi b’mod attiv is-settur kreattiv u kulturali. L-esebizzjoni ta’ Attard tgħaqqad il-patrimonju kulturali Malti mat-teknoloġija tal-intelliġenza artifiċjali. Irrimarkat ukoll li hu tassew unur għall-Kunsill Malti għall-Arti li qiegħed jagħti – fir-rwol tiegħu ta’ kummissarju ta’ dan il-proġett – l-appoġġ sħiħ tiegħu lil avveniment daqshekk importanti fid-dinja tal-arti u l-kultura. Cauchi temmet tgħid li l-Kunsill ser jistinka biex ikompli jpoġġi lil Malta u lill-artisti tagħha fuq il-mappa internazzjonali.
L-esebizzjoni individwali ta’ Matthew Attard, intitolata I Will Follow the Ship, tikkonsisti f’kummissjoni artistika ġdida li tgħaqqad flimkien il-patrimonju kulturali u t-teknoloġija avvanzata mmexxija mill-AI. Din ser tkun ikkurata mill-kuratriċi Maltija Elyse Tonna u mill-kuratriċi Taljana-Amerikana Sara Dolfi Agostini – it-tnejn attivi fix-xena artistika Maltija permezz ta’ diversi kollaborazzjonijiet istituzzjonali. Maria Galea u l-Galleria Michela Rizzo ser jissorveljaw il-ġestjoni tal-proġett.
Il-proġett jesplora ideat dwar l-eżistenza u s-sopravivenza tal-bniedem fil-punt ta’ konverġenza bejn l-istorja u l-ġejjieni, l-esperjenza fiżika u l-input diġitali. Dan oriġina mill-aħħar esplorazzjonijiet tal-artist fl-AI u t-teknoloġija tat-tpinġija, magħquda mal-interess tiegħu fl-istampi storiċi ta’ graffiti ta’ vapuri ex-voto – ikonografiji vernakulari li jitkellmu dwar stejjer lokali antiki ta’ fidi u salvazzjoni fil-Mediterran. Dawn l-inċiżjonijiet effimeri fil-ġebel illi jinsabu fuq il-faċċati ta’ diversi kappelli ma’ truf it-toroq tal-gżejjer possibbilment saru minn baħħara minħabba s-sinifikat reliġjuż u l-immunità politika li dawn il-binjiet kienu joffru.
Attard qiegħed jaħdem fuq il-legat tagħhom fil-kultura kontemporanja f’sensiela ta’ tpinġijiet imsejħa Id-Dgħajjes tal-Fidili. It-titlu jirreferi għar-rwol tagħhom bħala vejjikli tat-tama u depożitarji tal-fidi. Madankollu t-terminu “fidil” li juża Attard f’dan il-kuntest għandu diversi tifsiriet. Strettament, dan it-terminu ġej mill-kelma Latina “fidelis” illi litteralment ifisser fidi jew fidil. Iżda fil-lingwa Maltija mitkellma t-terminu “fidil” jiddenota wkoll lil xi ħadd illi jafda lil kulħadd jew kollox b’ċerta bluha (bl-għama).
It-tifsiriet u l-valuri ta’ dawn it-tpinġijiet anonimi tal-vapuri għadhom jidwu fi żminijietna, fejn it-teknoloġiji tal-kompjuter u l-internet mexxew l-emanċipazzjoni artistika tal-massa u qalbu ċ-ċentri tradizzjonali lokali tal-poter ta’ taħt fuq.
Dan hu l-punt tat-tluq tal-proġett ta’ Attard għall-Padiljun ta’ Malta – idea maħsuba biex tikkatalizza l-attenzjoni tal-ispettaturi permezz ta’ apparati teknoloġiċi li jippermettu interazzjoni diġitali u ħsieb spekulattiv kollettiv dwar il-ġejjieni. Filfatt il-graffiti tal-vapuri huma uniċi għal Malta, iżda intant xorta jirreżonaw ma’ bosta kulturi li r-relazzjoni tagħhom mal-baħar kienet – u għadha – kruċjali, bħalma jidher fl-iskrizzjonijiet ta’ Venezja stess. Fi żmien ta’ tibdil fil-klima, livelli tal-baħar dejjem jogħlew u mistoqsijiet dwar post il-bniedem f’dinja iperteknoloġika, dawn il-marki umli ta’ tama – metafori fundamentali profondament ankrati fil-kuxjenza umana – jimirħu f’nofs il-Padiljun ħalli jikxfu x’hemm moħbi wara l-iskrins u l-emniet.
‘Foreigners Everywhere’
It-tema għall-Biennale Arte 2024, imħabbra mill-president ta’ La Biennale di Venezia, Roberto Cicutto u mill-kuratur tas-60 Wirja Internazzjonali tal-Arti, Adriano Pedrosa, hi Foreigners Everywhere. L-esebizzjoni ser tittella’ bejn l-20 ta’ April u l-24 ta’ Novembru 2024 u ser tiffoka fuq artisti minn sfondi diversi, b’mod speċjali dawk illi jappartienu lil gruppi li storikament ġew immarġinalizzati.
Pedrosa stqarr li hawnhekk Foreigners Everywhere għandha tifsira doppja:“L-ewwel nett, li kull fejn tmur u kull fejn tkun dejjem tiltaqa’ ma’ barranin – huma/aħna kullimkien. It-tieni, li issib fejn issib ruħek, dejjem tkun, tassew, fil-fond ta’ qalbek, barrani”. .
Wara assenza ta’ 17-il sena, Malta rritornat għall-Biennale di Venezia fl-2017 u mnbgħad għal darb’oħra fl-2019 u fl-2022. Qabel dan, kienet ipparteċipat b’wirja speċjali ta’ artisti Maltin fl-1958 u b’Paviljun Nazzjonali fl-1999. Kemm il-Padiljun ta’ Malta tal-2017 (Homo Melitensis: An Incomplete Inventory in 19 Chapters), il-Padiljun ta’ Malta tal-2019 (Maleth / Haven /Port – Heterotopias of Evocation) u l-Padiljun ta’ Malta tal-2022 (Diplomazija Astuta) qanqlu rispons pożittiv ħafna mill-istampa internazzjonali u ntlaqgħu b’tifħir u rikonoxximent minn midja bi profil għoli.
Proġett li jgħaqqad lil Malta u Venezja f’destin komuni, l-installazzjoni artistika ta’ Matthew Aattard I Will Follow Ship hi unika għal Malta iżda tirreżona ma’ bosta kulturi li għandhom rabta speċjali mal-baħar ta’ madwarhom.
Foreigners Everywhere, it-titlu tas-60 Esebizzjoni Internazzjonali tal-Arti La Biennale di Venezia – wkoll xogħol artistiku mill-kollettiv kreattiv Claire Fontaine – titlob spazju għall-artisti fil-marġini ta’ dinja tal-arti li, s’issa, kienet fil-biċċa l-kbira l-espressjoni ta’ elite illi jinsab prinċipalment fit-Tramuntana Globali. Kontra dan Pedrosa jipproponi Nofsinhar Globali li jgħaqqad eks kolonji – bħal Malta – u pajjiżi mhux tal-Punent. Biex jagħmel dan jiffoka fuq il-kontributi kulturali ta’ “oħrajn”, b’figuri kemm storiċi kif ukoll kontemporanji. “L-oħrajn” hu terminu inklużiv illi jħaddan stranġieri, immigranti u barranin: persuni illi minħabba raġunijiet mhux relatati mal-arti tagħhom – bħar-razza, l-identità jew l-isfond soċjoekonomiku – ma kinux meqjusa denji li jipparteċipaw fil-produzzjoni tal-kultura.
Dan il-qafas jirreżona fil-Padiljun ta’ Malta, fejn il-punt tat-tluq u n-“nucleo storico” tagħna stess (l-isem mogħti lis-selezzjoni speċjali tal-Esebizzjoni Internazzjonali tal-Arti) huwa graffiti umli u anonimi fuq vapuri li – għalkemm huma mifruxa ħafna f’Malta u parti mill-patrimonju kulturali rikk tagħha – jinstabu wkoll f’bosta pajjiżi u f’binjiet oħra madwar il-baċir tal-Mediterran. Il-graffiti tal-vapur hu xogħol artistiku vernakulari. Xi drabi (skont il-kuntest) jitqies bħala element ex-voto magħmul minn raġel fqir anonimu li sa ftit ilu ma kienx jitqies illi għandu xi valur artistiku jew kulturali. Għalhekk, id-deċiżjoni ta’ Attard li jerġa’ jpinġih bl-eye-tracker u jdaħħal fih tifsira kontemporanja hi rikonoxximent tal-qawwa vera ta’ immaġnijiet minsija li l-valur residwu tagħhom għas-soċjetajiet konvenzjonali jiġi kkumpensat mill-kapaċità tagħhom li jipprovdu sinifikat lil nies li ma kellhomx aċċess għall-qawwa kulturali u għall-ħolqien ta’ identità artistika.
Barra minn hekk il-vapur, l-aktar mezz komuni ta’ trasport u vvjaġġar qabel il-miġja tar-rivoluzzjoni industrijali, tul sekli sħaħ kien jikkostitwixxi dar temporanja għal nies illi jbaħħru għal raġunijiet differenti. Bosta drabi dawn kienu jiġu minn sfondi soċjoekonomiċi mhux ipprivileġġjati. Simbolu tad-diversità li jikkaratterizza l-komunitajiet marittimi kollha, il-vapur hu qabelxejn metafora unifikanti tat-tama għas-sopravivenza. Il-metafora tmur lura għar-rakkont Bibliku tal-Arka ta’ Noè, fejn Alla jsalva r-rikkezza tal-fawna tad-dinja flimkien ma’ Noè u l-familja tiegħu minn dilluvju globali. L-eki ta’ dan kollu fi żmienna tabilħaqq itarrxu, l-iżjed għax it-tibdil fil-klima u ż-żieda fil-livelli tal-baħar qegħdin kulma jmur jheddu s-sigurtà tad-dar u s-sopravivenza ta’ komunitajiet sħaħ.
Is-60 edizzjoni tal-Biennale ta’ Venezja ser timmarka r-raba’ parteċipazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti bil-Paviljun Nazzjonali tiegħu mill-2017, sewwasew minn meta Malta kienet reġgħet daħlet fil-Biennale bl-esebizzjoni Homo Melitensis: An incomplete history in 19 chapters. Il-Kunsill kien ikkummissjona wkoll il-parteċipazzjoni ta’ Malta fl-edizzjonijiet tal-2019 u tal-2022, b’Maleth / Haven / Port – Heterotopias of Evocation u Diplomazija Astuta rispettivament.
Il-Padiljun ta’ Malta 2024 qiegħed jiġi kkummissjonat mill-Kunsill Malti għall-Arti, taħt l-awspiċi tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Il-proġett tal-Padiljun qiegħed jitmexxa mit-tim tal-Internazzjonalizzazzjoni tal-Kunsill taħt id-direzzjoni ta’ Dr Romina Delia bl-appoġġ ta’ Celine Portelli (kordinatriċi) u Dr Frank Psaila (komunikazzjonijiet).
Il-Kunsill Malti għall-Arti għandu l-viżjoni li jrawwem relazzjonijiet kulturali globali aktar b’saħħithom illi jippermettu żvilupp settorjali fit-tul permezz ta’ opportunitajiet ġodda għal kollaborazzjoni u skambji internazzjonali – sħubijiet ibbażati fuq il-fehim reċiproku, il-fiduċja u d-djalogu interkulturali fejn l-arti u l-kreattività jmorru lil hinn mill-fruntieri.
Il-prattika ta’ Matthew Attard tistħarreġ l-immaġnijiet bħala kostruzzjonijiet soċjali u kulturali. Huwa interessat ħafna li jqiegħed il-prattika tiegħu fil-qasam tat-tpinġija kontemporanja permezz ta’ approċċ multimedjali li jenfasizza n-natura versatili, performattiva u bbażata fuq il-ħin ta’ din id-dixxiplina artistika. L-interess tiegħu li jinterpreta l-ħarsa bħala forma ta’ tpinġija – id-dimensjonijiet perċettivi, fiżjoloġiċi u kulturali tagħha – huma l-punt fokali tar-riċerka tad-dottorat tiegħu bbażat fuq il-prattika li kiseb mill-Edinburgh College of Art (l-Università ta’ Edinburgu) permezz ta’ finanzjament mill-iskema Malta Arts Scholarship. Imrobbi f’Malta, fl-2009 mar joqgħod Venezja u kkollabora mal-Peggy Guggenheim Collection u mal-Padiljun tal-Istati Uniti fil-Biennale ta’ Venezja. Aktar tard, ġie lura Malta fejn fl-2018 kiseb Maġisteru mid-Dipartiment tal-Arti Diġitali tal-Università ta’ Malta. Esebixxa x-xogħol tiegħu għall-ewwel darba f’wirja individwali doppja organizzata fl-2014 fil-Galleria Michela Rizzo f’Venezja. Wara Attard kompla jesebixxi f’diversi bliet, fosthom Venezja, Ruma, il-Belt Valletta, Ġenova, Londra, Beijing u Los Angeles. Barra minn hekk, fl-2017 intgħażel għat-tielet edizzjoni tal-Le Latitudini dell’Arte Biennale, fil-Palazzo Ducale, Genova. Fl-2018 ingħata l-Under 30 Euromobil Prize f’ArteFiera, Bologna. Intgħażel tliet darbiet biex jesebixxi fil-kuntest ta’ Ten Artists to Watch f’LACDA, Los Angeles Centre for Digital Arts u fl-2019 ġie mistieden ukoll jieħu sehem f’Artissima Telephone fl-ispazji OGR f’Turin. Dan l-aħħar wasal sal-lista l-qasira tal-Premju Lumen 2021. Rajt ma rajtx… naf li rajt (2021) hi waħda mill-esebizzjonijiet individwali ewlenin ta’ Attard, ikkurata minn Elyse Tonna fil-Valletta Contemporary. Fl-2022 ġie kkummissjonat biex jaħdem fuq ix-xogħol Here’s How I Did Not See What You Wanted Me To See bħala parti mir-residenza diġitali OPEN fi Blitz, il-Belt Valletta – proġett ikkurat minn Sara Dolfi Agostini. L-aktar esebizzjoni individwali reċenti tiegħu, Ship of Fools, itellgħet f’Marzu 2023 fil-Galleria Michela Rizzo, Venezja.
Sara Dolfi Agostini hi kuratriċi tal-arti kontemporanja, kittieba u lettura Taljana-Amerikana bbażata Napli (l-Italja) u Malta. Matul is-snin irriċerkat il-kultura viżiva, il-politika tar-rappreżentazzjoni u t-teorija taċ-ċirkulazzjoni tal-immaġni. Ikkurat ukoll esebizzjonijiet offline u online, kummissjonijiet ta’ arti pubblika u programm ta’ residenza diġitali – ħidmiet illi lkoll espandew l-interess tagħha f’formulazzjonijiet differenti ta’ speċifiċità għas-sit fid-dominju virtwali u fil-ħajja reali. Wara kollaborazzjonijiet mal-Biennale Manifesta (2008), mal-Biennale Internazzjonali tal-Iskultura ta’ Carrara (2010), mal-Magnum Photos (2012) u mal-Fondazione Modena Arti Visive (2013-14), Agostini nħatret kokuratriċi tal-kummissjoni tal-arti pubblika ArtLine Milano, imnedija mill-Belt ta’ Milan (2013-16). Aktar tard kienet kuratriċi ta’ esebizzjonijiet u programmi pubbliċi fi Blitz, il-Belt Valletta, Malta (2018-23). Bħalissa hi kuratriċi u kordinatriċi tal-katalgu rraġunat fil-Fondazione Paul Thorel f’Napli (2021-għadu għaddej). Ilha mill-2008 kontributriċi mistiedena għal diversi gazzetti u rivisti internazzjonali, fosthom Il Sole 24 ORE, ir-rivista Flash Art u Art Basel. Barra minn hekk Agostini kienet membru tal-fakultà fuq bażi part-time għal programmi ta’ Maġisteri fil-Fondazione Modena Arti Visive f’Modena (2016-2021) u l-IAAD f’Turin (2017). Tat ukoll taħditiet f’bosta istituzzjonijiet edukattivi, fosthom School of the Art Institute in Chicago (2016), the Art Program / World Bank Headquarters f’Washington (2016), l-Università ta’ Malta (2017), Il Sole 24 ORE Master School (2010-17) u n-NABA. Bejn l-2017 u l-2021 Agostini serviet ukoll bħala membru onorarju tal-bord konsultattiv dwar il-fotografija tal-mużew Triennale di Milano.
Elyse Tonna hi kuratriċi, direttriċi kreattiva, perit, mentor u riċerkatriċi. Il-prattika tagħha tkopri diversi dixxiplini, fosthom l-arti viżiva, l-arkitettura, id-disinn, il-politika kulturali, il-placemaking, il-patrimonju u l-films. Bħalissa l-interessi ta’ riċerka kuratorjali tagħha jirrigwardaw il-prattiki ekoloġiċi, il-post-/Antropoċen, il-futuri spekulattivi, il-patrimonju ħaj u l-pajsaġġi mhedda. Tgħaqqad dawn l-interessi ma’ għarfien u sensibbiltà spazjali biex toħloq esperjenzi speċifiċi għas-sit/kuntest, immersivi u sensorjali. B’aktar minn għaxar snin ħidma ddedikata fis-setturi kulturali u kreattivi, il-portafoll tagħha jinkludi rwoli u kollaborazzjonijiet ma’ bosta entitajiet, fosthom il-Kunsill Malti għall-Arti (KMA), Heritage Malta, l-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta, Spazju Kreattiv, il-Fondazzjoni Gabriel Caruana (GCF), l-Unfinished Foundation, il-Malta Society of Arts (MSA), Valletta Contemporary u no.site.studio. Fil-mument hi l-kokuratriċi u d-direttriċi kreattiva tal-GCF u hi involuta wkoll f’aktar minn għaxar kummissjonijiet kuratorjali ma’ diversi istituzzjonijiet. Tonna kkontribwiet għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ta’ diversi inizjattivi, bħall-Programm SPRING għal Artisti Emerġenti mal-GCF, Constellation Malta u baħħ blu għall-Programm Valletta ECoC 2018, l-Istrateġiji Kulturali Reġjonali mal-Kunsill Malti għall-Arti u fuse – proġett ta’ arti pubblika f’diversi siti illi ntgħażel għall-Aħjar Proġett fil-Komunità tal-KMA. SURA, esebizzjoni li kkurat u mexxiet hi stess, ingħatat l-ArtzID Best Exhibition Award (2022). Bħalissa hi Membru tal-Bord tal-GCF u tippresiedi s-Sottokumitat tal-Arti Viżiva tal-Malta Entertainment Industry and Arts Association. Tonna kienet ukoll Membru tal-Kumitat tal-Malta Society of Arts (2014-2019) u tal-e-NGO ACT (2018-2023). L-impenji internazzjonali tagħha jinkludu fellowships mas-Salzburg Global Forum u mal-Global Cultural Relations Platform.
Maria Galea hi maniġer kulturali, strateġista u professjonista tal-arti Maltija b’karriera li tkopri aktar minn għaxar snin fis-settur tal-arti viżiva u kulturali. Bħalissa hi l-Viċi President tal-Malta Entertainment Industry and Arts Association, fejn tiddedika l-ħidma tagħha għall-komunità kreattiva lokali. Bħala l-fundatriċi ta’ ARTZ ID – l-akbar netwerk tal-arti viżiva ta’ Malta – Galea trawwem kollaborazzjonijiet u sħubijiet kreattivi diversi maħsuba biex irawmu t-tkabbir fis-settur. Barra minn hekk, tidderieġi Marie Gallery5 & Art Advisory illi waqqfet fl-2015 ħalli tirrappreżenta u tagħti viżibbiltà lill-aktar artisti rinomati ta’ Malta fil-livelli lokali u internazzjonali. Ta’ min jinnota li l-gallerija ilha mill-2017 tirrappreżenta wkoll il-legat prestiġjuż tal-artista mikbija Isabelle Borg u għandha wkoll portafoll estensiv ta’ proġetti ta’ konsulenza dwar l-arti u programm estensiv ta’ esebizzjonijiet. Galea hi rrikonoxxuta bħala Young Cultural Innovators Fellow fis-Salzburg Global Seminar (2019) u fl-2021 inħatret bħala mentor għall-University of the Arts ta’ Londra. L-esperjenza tagħha tinkludi wkoll ir-rwoli ta’ membru tal-bord u konsulenta fuq bosta proġetti privati u pubbliċi fis-settur tal-arti viżiva. Ġiet irrikonoxxuta wkoll b’għadd ta’ premjijiet bħall-premju għall-Aħjar Inizjattiva matul il-Pandemija tal-COVID (2022) kif ukoll b’nominazzjonijiet għall-Aħjar Intrapriża Kreattiva u l-Aħjar Kontributur Kulturali. Dan l-aħħar Galea temmet Maġisteru fl-Arti u l-Intrapriża Kulturali fis-Central Saint Martins ta’ Londra bi studju ffukat fuq l-impatt soċjoekonomiku tas-setturi kreattivi.
Michela Rizzo waqqfet il-gallerija tagħha fl-2004 bil-għan illi tispira ħajja ġdida fix-xena kulturali kontemporanja Venezjana li dak iż-żmien kienet iddominata l-iżjed minn galleriji tal-arti kummerċjali. Wara li marret toqgħod f’Palazzo Palumbo Fossati tul sitt snin fl-2013 il-gallerija sabet postha fil-lok attwali tagħha tal-ex birreriji fuq Giudecca. Matul is-snin il-Galleria Michela Rizzo żviluppat programm ta’ profil għoli permezz ta’ esebizzjonijiet f’galleriji, sħubijiet ma’ mużewijiet u istituzzjonijiet lokali u internazzjonali ewlenin u kollaborazzjonijiet ma’ artisti storiċi, stabbiliti u emerġenti. Is-saħħa tal-Galleria Michela Rizzo tinsab fis-sinerġija bejn l-għeruq Venezjani u l-konnessjonijiet internazzjonali. Ir-rilevanza tal-istorja, ix-xenarji soċjopolitiċi kontemporanji u r-rapport bejn l-umanità u l-ambjent joħorġu fil-prattiki ta’ artisti ewlenin bħal Fabio Mauri, León Ferrari, Hamish Fulton, Nanni Balestrini, Antoni Muntadas, Vito Acconci, Roman Opalka, Brian Eno, Barry X Ball u David Tremlett. Il-korrelazzjoni taż-żmien mal-ispazju, in-natura u l-pajsaġġi huma wħud mit-temi eżaminati minn Francesco Jodice, David Rickard, Michael Hoepfner, Antonio Rovaldi, Mariateresa Sartori, Andrea Mastrovito, Kateřina Šedá, Giorgia Fincato, Federico De Leonardis, Marcela Cernadas, Aldo Runfola, Maurizio Pellegrin and Silvano Tessarollo. Imbagħad, artisti żgħażagħ ta’ fin il-gallerija bħal Alessandro Sambini, Ryts Monet u Matthew Attard esploraw teknoloġiji ġodda li jinterrogaw il-produzzjoni żejda kontemporanja ta’ immaġnijiet u informazzjoni u l-konsum eċċessiv tagħhom. Rizzo pproduċiet bosta esebizzjonijiet storiċi f’kollaborazzjoni ma’ diversi istituzzjonijiet, fosthom Lawrence Carroll fil-Museo Correr (2008, Venezja), Tony Cragg f’4D fil-Ca’ Pesaro International Gallery of Modern Art (2010, Venezja) u Barry X Ball f’Ca’ Rezzonico (2011, Venezja). Fl-2017 il-Galleria Michela Rizzo kkollaborat mal-Muniċipalità ta’ Pisa fuq sensiela ta’ esebizzjonijiet f’Santa Maria della Spina b’installazzjonijiet speċifiċi għas-sit minn Wolfgang Laib u Richard Nonas.
Il-membri tal-Bord ta’ Evalwazzjoni kienu d-Direttur Artistiku tat-Teatru Manoel (Valletta) il-Perit Adrian Mamo, il-Kuratriċi tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti tal-Komunità (Valletta) Dr Katya Micallef u d-Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv Daniel Azzopardi. L-evalwazzjoni tmexxiet mid-Direttur tal-Fondi u l-Istrateġija fil-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi.
Il-Kunsill Malti għall-Arti – taħt il-patroċinju tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – hu l-kummissarju tal-Padiljun ta’ Malta fil-Biennale di Venezia.
Riżultati