5 September – 15 November 2026
Horangassy, Gwangju, South Korea
Il-Kunsill Malti għall-Arti, bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u tal-Fond għad-Diplomazija Kulturali, qed jikkummissjona l-ewwel parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Biennale ta’ Gwangju, waħda mill-aktar pjattaformi prestiġjużi fl-Asja għall-arti kontemporanja.
Il-Biennale se jiftaħ fil-5 ta’ Settembru u jibqa’ għaddej sal-15 ta’ Novembru 2026 f’Gwangju. Issa fis-16-il edizzjoni tiegħu, dan il-Biennale joffri pjattaforma globali għal prattiki artistiċi sperimentali u innovattivi. Din l-edizzjoni, bit-titlu You must change your life u mmexxija mill-artist u kuratur minn Singapore Ho Tzu Nyen bħala Direttur Artistiku, tesplora l-qawwa trasformattiva tal-arti fi żmien ta’ kriżijiet u urġenzi multipli.
Bħala parti minn dan il-mument importanti, il-Padiljun ta’ Malta se jippreżenta BEJN / IN-BETWEEN, kummissjoni artistika ġdida fuq skala kbira li tlaqqa’ flimkien erba’ vuċijiet ewlenin tal-arti kontemporanja mill-gżejjer Mediterranji ta’ Malta u Għawdex: Norbert Francis Attard, PONKS (Sam Alekksandra & Julien Vinet) u Michael Quinton. Flimkien bħala l-Kollettiva BEJN, l-artisti ilhom minn Mejju jwettqu residenza ta’ tliet xhur f’Gwangju, b’ħidma mill-qrib mal-Kunsill Malti għall-Arti fit-tħejjija tal-Padiljun ta’ Malta. L-artisti qed joħolqu installazzjonijiet speċifiċi għall-post li se jiżvolġu f’esibizzjoni kollaborattiva waħda f’Horanggasy, wieħed mill-ispazji ewlenin tal-Biennale. Il-proġett huwa kkurat minn Moon Hyun Jeoung u mmexxi minn Toni Attard.
BEJN / IN-BETWEEN tiżvolġi fi tliet spazji konnessi u bħala “punt ħaj” fejn tinbena konnessjoni bejn Malta u l-Korea. L-installazzjonijiet jibbażaw fuq sensittivitajiet kulturali komuni, inkluża l-enerġija qawwija tat-tradizzjonijiet komunitarji Maltin u s-simboliżmu protettiv li jinsab fil-prattiki spiritwali Koreani.
Minflok ma jerġgħu joħolqu dawn id-drawwiet, l-artisti qed jaħdmu fuq it-tessuti emozzjonali li jinsabu fil-qalba tagħhom – ideat ta’ ġbir, protezzjoni, rivalità, devozzjoni u ħelsien – u jittrasformawhom f’esperjenzi spazjali u sensorji. Il-viżitaturi se jiltaqgħu ma’ ambjenti li jaqbdu s-sensazzjoni li wieħed jinsab sospiż bejn forzi differenti, fejn ir-rabtiet li jinħolqu huma importanti daqs il-konfini li jaqsmu.
L-Artisti
Permezz ta’ sensiela ta’ spazji interkonnessi, BEJN tesplora t-tensjoni, il-poeżija, it-tranżizzjoni, il-ħoss, il-moviment u l-interazzjoni diġitali. BEJN jippreżenta l-ewwel padiljun nazzjonali ta’ Malta bħala laqgħa li tevolvi bejn artisti, tradizzjonijiet u teknoloġiji, fejn l-ispazju intermedju jsir post ta’ kreattività, konnessjoni u reżonanza.
Fil-Poligonu tal-Arti, Norbert Francis Attard, wieħed mill-pijunieri tal-arti kontemporanja f’Malta, joħloq intervenzjonijiet spazjali li jżommu forzi konflinġenti f’tensjoni. Ix-xogħlijiet tal-arti tiegħu, ispirati mit-tradizzjonijiet tal-festi Maltin, b’ċelebrazzjonijiet vibranti fi ħdan il-komunità ddedikati lill-qaddis padrun ta’ villaġġ, u mill-prinċipji ta’ kulur Obangsaek Koreani, jesploraw il-bilanċ permezz tal-kuluri, l-elastiċità, id-dawl u l-istrutturi. Attard juża lasktijiet stirati, uċuħ b’mirja, elementi mdawlin u forom arkitetturali tal-metall u bihom jittrasforma l-ispazju f’żona ta’ moviment, pressjoni u riflessjoni. Pereżempju, PERISTYLE, skultura penetrabbli mibnija minn sezzjonijiet tal-metall vojta minn ġewwa u forom miżbugħa kulur id-deheb li jfakkru lill-ispettatur fit-tiżjin tal-festi, tpoġġi ċ-ċelebrazzjonijiet ritwali direttament kontra l-qerda kontemporanja u b’dan il-mod, toħroġ paralleli skomdi bejn il-kultura storika ta’ assedji ta’ Malta, il-kommemorazzjonijiet kollettivi, u l-kunflitti internazzjonali li għaddejjin bħalissa.
PONKS jittrasforma l-Poligonu tal-Ħġieġ f’TEMPJU TAL-ĦBULA fejn mijiet ta’ ħbula sospiżi jiffurmaw kamra ġo kamra. F’nofs it-tempju hemm struttura ta’ ħbula li tixbah lil siġra folta li tikber ’il fuq qalb l-ispazju u b’hekk, tħalli l-għeruq fl-installazzjoni kemm fiżikament kif ukoll simbolikament. Ix-xogħol tal-arti jorbot is-sinifikat ritwali ta’ Geumjul – ħbula sagri tradizzjonali Koreani maħsuba biex ikeċċu l-erwieħ ħżiena – mat-tradizzjonijiet antiki ta’ Malta bil-ħbula, minn bastimenti marittimi sa purċissjonijiet reliġjużi fejn il-ħabel isir kemm ħtieġa funzjonali kif ukoll simbolu sagru. Testi minn poeżiji Maltin u Koreani jgħattu l-ħġieġ tal-madwar u joħolqu ambjent immersiv fejn il-lingwa, il-materjali u r-ritwali jħollu l-fruntieri kulturali fissi. Il-viżitaturi jitilgħu ’l fuq permezz tal-istruttura qisha siġra lejn intervenzjoni finali fin-naħa ta’ fuq tal-bini fejn l-installazzjoni tispiċċa f’ġest mudwal imdendel fuq il-belt.
Il-Poligonu Bażi huwa l-għeruq taħt l-art tat-tempju permezz ta’ tlett ikmamar konnessi flimkien li jesploraw aspetti defferenti tal-poeżija: il-mużikalità, il-kliem, u d-dinjiet. Taħt il-Poligonu tal-Ħġieġ, l-ispazju jiżvolġi bħala kontroparti iktar kwiet u introspettiv għall-installazzjonijiet ta’ fuqu. Fl-ewwel kamra, l-ambjent akustiku ta’ Michael Quinton juża rekordings tal-postijiet, liema rekordings ittieħdu f’postijiet f’Malta u fil-Korea u jikkombina l-manipulazzjoni sonika, ir-reżonanza, is-silenzju u l-ħsejjes immersivi tal-madwar. Ix-xogħol tal-arti jittratta l-ħoss bħala kundizzjoni tal-eżistenza u joħloq ambjent ta’ smigħ profond u ta’ riflessjoni.
Barra minn hekk, il-programm tal-Portall jospita skambju bejn artisti Maltin u Koreani li jagħmlu l-performances tagħhom f’postijiet varji u jistieden lill-udjenzi fid-dinjiet viżwali u għat-tweġibiet personali tal-poeti u tal-performers f’relazzjoni mal-ambjenti tagħhom. L-aħħar kamra hi ddedikata lil antroloġija: pubblikazzjoni sperimentali li tiddokumenta l-proċess kreattiv, il-kontribuzzjonijiet poetiċi u l-iskambji artistiċi u li toffri lill-viżitaturi “framment” tanġibbli tal-bejn sabiex jieħduh magħhom.

Horangassy – Venue for the Malta Pavilion at the Gwangju Pavilion

Norbert Francis Attard. Photo by Edward DeGabriele.

PONKS. Photo by Edward DeGabriele.

Michael Quinton. Photo by Edward DeGabriele.
For media enquiries please contact: i[email protected]
Arts Council Malta
TG Complex Suite 1, Level 1
Brewery Street, Zone 3
Central Business District, Birkirkara
CBD 3040
For international media enquiries, please contact:
Pelham Communications
Milly Carter Hepplewhite: [email protected]
Rel Hayman: [email protected]
Lucy Groom: [email protected]