Kulħadd kien qiegħed jaħdem mid-dar dak iż-żmien, u allura bdejt l-esperjenza tiegħi mal-kumpanija nazzjonali tat-teatru hekk ukoll, naħdem b’mod remot. Kont diġà ilni naħdem fis-settur kulturali għal madwar ħames snin u aktar, u ġejt milqugħa b’mod virtwali mill-kollegi tiegħi. Meta nħares lura jinħass qisu dan kollu ilu żmien twil li ġara, u mhux kwistjoni ta’ ftit inqas minn sena ilu, fejn kollettivament rajna d-dinja tagħna tinbidel mil-lejl għan-nhar.
Minħabba dan iż-żmien ta’ inċertezza, bħala Teatru Malta rajna kif nagħmlu biex naħsbu fl-artisti. F’April bħala Teatru Malta, ħriġna b’ inizjattiva bl-isem ta’ Theatre Depożit, fejn inkoraġġejna lill-artisti li jaħdmu fit-teatru f’pajjiżna biex japplikaw magħna bi proġett jew anka b’mod li jippreżentaw lilhom infushom, biex ikunu parteċipi fil-programmi tagħna tas-snin segwenti b’mod li nkomplu nkattru l-kreattività. Din kienet waħda mill-inizjattivi maġġuri tagħna waqt il-pandemija tal-COVID-19, bil-premessa li l-artisti jitħallsu waqt il-panedmija u jaħdmu aktar tard.
Kollox kien wieqaf u kien żmien pjuttost stramb, u kien żmien fejn konna qed nirrevedu l-programm tal-avvenimenti tagħna għat-tliet snin li ġejjin, u filfatt ibbażajna din l-inzijattiva fuq żmien usa’ bl-iskop li l-artist jaħseb magħna bil-quddiem.
Din l-inizjattiva ġiet deskritta bħala innovattiva u ġiet milqugħa ferm mill-prattikanti tal-industrija, għaliex għenet biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-komunità artistika tagħna b’mod li niżguraw xogħol fil-futur fejn pprovdejna dħul tant bżonnjuz għal dawn l-artisti fl-ewwel parti tal-2020, biex ngħinuhom jaħdmu aktar b’mod kreattiv u kif ukoll sabiex ninkoraġġixxu x-xena lokali biex inkomplu nsaħħu t-tessut kulturali tagħna, b’mod li ispirat metodi simili oħra biex dan ikompli jissaħħaħ.
Minkejja l-pandemija, id-dinja artistika xorta sabet mod, u għadha qed issib modi kif twassal il-messaġġ tagħha u tkompli trawwem il-kreattività u bħala Teatru Malta rajna li nkomplu nwasslu t-teatru b’modijiet oriġinali.
F’Ġunju pparteċipajna fil-Malta International Arts Festival permezz tal-Għanja ta’ Malta, proġett poetroniku fejn addattajna l-poeżija ta’ Oliver Friggieri bil-parteċipazzjoni ta’ 50 attur u li kien disponibbli online. Dan intwera wkoll wara l-funeral ta’ Oliver Friggieri li sfortunatament ħalliena s-sena l-oħra. Kien l-aħħar proġett li sar bil-kitba ta’ Friggieri qabel mewtu, u jkolli ngħid fuq nota personali hu proġett kemmxejn għal qalbi minħabba li għandi mħabba kbira lejn il-Malti, u fil-fatt kont studenta tiegħu fi żmien l-Università.
F’Novembru wkoll ħadna sehem f’ ŻiguŻajg b’Alice fl-Art Bla Meravilji - produzzjoni b’pakkett sħiħ ta’ Teatru DIY li tista’ titella’ kullimkien u jipparteċipaw fiha l-ispettaturi stess. Din il-pandemija ġabet bosta xkiel magħha, però nħoss li ġabet ukoll modijiet ġodda kif inkomplu nkunu kreattivi, b’mod li tinstiga l-intelliġenza u l-ħsieb tagħna biex naħsbu oltre mill-4 ħitan li mdorrijin naħsbu fihom. Din il-produzzjoni qanqlet bosta ħsibijiet speċjalment minħabba n-natura tas-suġġett tagħha u qegħdin naħdmu biex inkomplu nwassluha lil hinn.
Panto in the Dark kien sar appuntament annwali li ma kontx nitilfu - il-kunċett jinteressani mmens u l-fatt li qed tesperjenza t-teatru fid-dlam turi l-qawwa tal-arti u s-saħħa tagħha biex tilħaq lil dak li jkun. Din is-sena, ovvjament, kellha ssir b’mod differenti u morna fuq ir-radju - kunċett differenti, imma divertenti xorta waħda.
Id-dinja tagħna nbidlet, u jiġini l-ħsieb li qisna qegħdin bħal meta tkun qiegħed tara r-rifless tiegħek fil-baħar u tara li biċ-ċaqliq tal-ilma d-dehra tiegħek mhix korretta mija fil-mija, imma għadha hemm b’mod li tista’ tifhem li qiegħda hemm, u li x-xbiha tiegħek hija preżenti, għaliex għadek hemm. Għadek tista’ toħloq, tesprimi, tiddiskuti. Ġew ispirati bosta xogħlijiet artistiċi bil-pandemija. Tajna l-opportunità (fosthom anka aħna bħala Teatru Malta) biex bil-panedmija madwarna xorta rajna kif inwasslu l-vina artistika fid-djar tan-nies permezz ta’ spettakli live mxandra online jew fuq it-televixin, li nżuru mużewijiet b’mod virtwali, li nilqgħu f’darna d-dinja tal-arti mit-twieqi elettroniċi tagħna. U dak hu s-sabiħ tal-arti u l-kultura, li b’xi mod jew ieħor, dejjem se jkunu preżenti, għaliex għidli waħda din, x’inhi dinjietek mingħajrhom?
Words by Maria Angela Vassallo, Administration Manager at Teatru Malta.
Submitting ...
Saving ...
Any applications related to this entity, will also be automatically deleted.