Kif taddotta l-Karta għall-Istatus tal-Artist fl-organizzazzjoni tiegħek
Xi passi prattiċi għall-operaturi kulturali biex jaddottaw il-prinċipji tal-Karta għall-Istatus tal-Artist
Kif nistgħu nimxu minn prinċipji sbieħ għal bidliet veri? Għal ħafna operaturi kulturali fil-gżejjer Maltin, din hija mistoqsija kbira meta jitkellmu dwar il-Karta għall-Istatus tal-Artist. Hemm qbil, in prinċipju, li l-ħaddiema kollha fis-setturi kreattivi u kulturali jixirqilhom ħlas ġust, kundizzjonijiet siguri, u rispett professjonali. Iżda, biex twettaq dan kollu, kultant tinħass missjoni kumplessa.
Kultant naħsbu li biex naddottaw il-Karta għall-Istatus tal-Artist irridu naqilbu d-dinja ta’ taħt fuq u nibdew naħdmu b’mod totalment ġdid. Dan mhux minnu. Kultant ix-xogħol jista’ jibda billi nżidu l-għarfien dwar l-aspirazzjonijiet tagħna, b’konverżazzjoni miftuħa u bi ftit rieda tajba biex inħarsu lejn il-mod kif noperaw bħalissa u ’l fejn irridu naslu.
Wieħed mill-modi sempliċi u effettivi huwa billi noħolqu mappa ta’ kif qed naħdmu u nqabbluhom mal-prinċipji tal-Karta: il-kuntratti li għandna huma ġusti u ċari? Il-ħlasijiet joħorġu fi żmien raġjonevoli? Il-ħaddiema għandhom opportunitajiet ta’ żvilupp personali u professjonali? Il-ħinijiet ta’ xogħol huma realistiċi għall-ħaddiema kollha? Dawn huma wħud mill-mistoqsijiet li minnhom tista’ tibda l-addozzjoni tal-prinċipji tal-Karta u li juru kemm organizzazzjoni għandha viżjoni ffukata fuq it-tisħiħ tal-kapital uman tagħha u li s-sostenibbiltà tagħha hija msejsa fuq ir-riżorsi primarji tagħha—il-ħaddiema.
Daqstant ieħor importanti huwa l-prinċipju ta’ trasparenza. Meta l-organizzazzjoni ma taħbix il-mod kif tikkumpensa lill-ħaddiema tagħha, taqsam il-politiki li tħaddan u turi li miftuħa għal titjib fil-mod kif taħdem, tista’ tkattar sens ta’ fiduċja bejnha u l-ħaddiema tagħha. Il-Karta għall-Istatus tal-Artist tista’ sservi bħala l-bażi għal tkabbir intern fl-organizzazzjoni li jagħti prijorità lill-kapital uman u r-relazzjonijiet minflok jiffoka biss fuq il-profitti. Dan jista’ jwassal kemm għal żieda fil-lealtà u sens ta’ kburija fost l-impjegati, kif ukoll għal kompetittività akbar fuq medda ta’ żmien.
Xi organizzazzjonijiet jistgħu, ngħidu aħna, jappuntaw lil xi ħadd inkarigat mill-progress fuq dal-materji u li jkun responsabbli li jirreġistra l-progress tal-operat u li jtih viżibbiltà. Oħrajn jistgħu jorbtu l-prinċipji tal-Karta għall-Istatus tal-Artist mal-pjanijiet strateġiċi u l-applikazzjonijiet għall-fondi tagħhom, biex juru kif prattiċi ġusti jappoġġjaw il-kwalità artistika u s-sostenibbiltà organizzazzjonali.
L-akbar bidla però tasal biss meta jinbidel il-mod kif naħsbu u naraw l-affarijiet. L-addozzjoni tal-prinċipji tal-Karta għall-Istatus tal-Artist tfisser li wieħed ma jibqax iħares lejn il-ħaddiema kulturali bħala sempliċiment fornituri ta’ servizzi varji u minflok jirrikonoxxihom bħala kollaboraturi essenzjali. Ifisser ukoll li nivvalorizzaw il-proċess daqskemm nivvalorizzaw il-prodott aħħari u li r-rikonoxximent tal-prattiċi etiċi bħala kontributur ewlieni għat-tisħiħ tal-kreattività u r-reputazzjoni.
Il-Karta għall-Istatus tal-Artist toffri qafas għat-tiswir ta’ strutturi organizzazzjonali aktar f’saħħithom, minn negozju żgħir sa festival jew mużew kbir, kollha jistgħu jibbenefikaw minnu. Ebda pass mhu żgħir wisq biex iwassal għal bidliet ikbar. Meta l-ħlas ġust, benessri, u rikonoxximent professjonali jsiru l-prattiċi standard, kulħadd igawdi, mill-ħaddiema kulturali sal-komunitajiet li jaqdu. Il-Karta għall-Istatus tal-Artist mhix biss dokument—hija stqarrija ta’ rieda serja biex is-setturi kreattivi u kulturali jevolvu u jikbru.
Dan l-artiklu huwa parti mill-kampanja kontinwa li l-Kunsill Malti għall-Arti qed imexxi biex jippromwovi l-istatus professjonali tal-artisti li joperaw fil-gżejjer Maltin sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-setturi kreattivi kollha.