Ftit noti mid-djarji tiegħi:
- It-13 ta’ Marzu. F’temp ta’ ġimgħa, dulluvju t’aħbarijiet, twissijiet, spekulazzjonijiet dwar dal-virus li ħadd ma jaf mnejn ġie. Storbju sħiħ. L-iskejjel għalissa magħluqa. Ħriġna nota u għalaqna l-istudio. Hekk bdew id-distanzi.
- Dakinhar li għalaqna, ġbart ftit għodda essenzjali u għabbejt il-karozza b’karti, kartun u drappijiet. Forsi nkun nista’ nkompli nċekċek xi ħaġa mid-dar, irraġunajt. Fi żmien ġimgħatejn kelli nlesti ħames mitt ktieb għal klijenta. Kien se jkolli bżonn spazju ferm ikbar milli għandi d-dar. Inqbadt fuq sieq waħda.
- Imbagħad bdew deħlin l-emails. Xogħlijiet li konna ilna x-xhur nippjanaw posposti għal żmien indefinit. Proġetti mħassra għax xi negozji oħra kienu diġà qed iħossu d-daqqa u għalissa kienu se jibżgħu għal flushom. Jiddispjaċini imma f’dal-ġenn, taf int. Kollha l-istess diska. Iwa, nifhem. Xi tridni ngħidilhom?
- Fl-aħħar ta’ Marzu, bidu t’April kellha żżurni l-ħabiba tiegħi Lori (Sauer). Kellna ningħalqu għal ġimgħa xogħol intensiv fl-istudio biex nispiċċaw ix-xogħol li għandna flimkien fuq il-proġett KIN, proġett ta’ pupi u stejjer. Kontra qalbna, ħassarna kollox. Il-pupi se jkollhom jibqgħu imsakkrin ġewwa u ma jiltaqgħu ma’ ħadd. Titwieled distanza oħra, dik bejn l-udjenza u x-xogħol ta’ jdejna.
- Sa nofs April l-emails u t-telefonati mgħand klijenti naqsu sew. Xogħol ġdid baqa’ ma daħalx. Żdiedu mistoqsijiet bħal, kemm nistgħu insalvaw hekk? X’se nagħmlu jekk indumu xahar ieħor? Beda ġej sens ta’ telfa u telfien. L-inċertezza bħas-susa. Tinduna biha meta tkun diġà kielet minnek. Ta’ kuljum nistaqsi, kemm fadlilna sakemm naslu u nerġgħu insibu saqajna? Imma meta m’għandekx amment kemm hi twila t-triq, jibda jiġik id-dubju hix triq ċirkulari u waqt li tagħqad u tagħqad titlef kull sens ta’ żmien u distanza.
- Kien hemm mumenti ta’ ottimiżmu fatalista, jekk qatt jista’ jeżisti xi ħaġa hekk. Kont nimmaġina li tant indumu msakkrin ġewwa li la nerġgħu noħorġu insibu dinja fejn l-ambjent naturali rebaħ fuq kollox. F’moħħi kienu jiġru xbihat ta’ liedna u bougainvilla ilibbsu kull bini u kull arblu tad-dawl, toroq kannella bit-trabijiet u t-tajnijiet li nġemgħu maż-żmien u kullimkien flora u fawna ġdida li fin-nuqqas tagħna reġgħet ħadet postha fir-renju tal-ħolqien. Fil-fantasiji tiegħi, in-natura tirbaħ fuq il-bniedem u l-bniedem ikollu joqgħod. Forma ta’ Eden anti-uman. Eskejpiżmu bażwi misantropiku li kont inħallih iġorrni f’dinjiet ‘il bogħod bħal #naturetakesover jew #greeningbackgaia fuq Pinterest.
- Zoom wara Zoom, gerrbu l-jiem u l-irjieħ t’iżolazzjoni tajjru fuqhom slogan nawżejanti wara l-ieħor. #inthistogether Ija? Liem biċċa tal-ma-nafx-fejn-sejjer-bin-negozju-tiegħi tixtieqni ntik sieħeb? Għal liem biċċa minn dil-problema tiegħi m’intx torqod int eżattament wara li tidħollok il-paga mit-taxxa tiegħi talli qed toqgħod id-dar ma tagħmel xejn? Il-premju tal-iktar epifaniji patetiċi però intih lil dawk li fl-aħħar skoprew li forsi tajjeb li jixtru mgħand artiġġjana u produtturi lokali...taf int, għax anke dawn għandhom familja u jridu jgħixu. Qas tobsor hux?
- Dawn l-islogans ċatti wisq għar-realtà. Fil-biċċa l-kbira nirreżisti l-mod kif jixħtu ‘l kulħadd fl-istess keffa daqslikieku l-impenn u r-riskju ta’ kull min hu fis-settur huma l-istess jew l-indaqs. L-istess l-għajta għall-għaqda li aċċennajt għaliha qabel. Bħal kull klixè, ma tantx tixraq lill-industriji kreattivi għax timmoralizza ferm iktar milli toffri xi qafas prattiku. Mhux qed nargumenta kontra l-alleanzi strateġiċi jew is-solidarjetà professjonali. Qed nargumenta favur l-appoġġ konkret, dinjituż - kelma li teskludi li wieħed jittallab u jitkarrab - u finanzjarju, għal min bħali jinvesti ħajtu fis-settur u ta’ kuljum jisfida t-tentazzjoni li jżarma, li ta’ kuljum ikollu jikkonvinċi lilu nnifsu li dak li qed jagħmel għandu xi tip ta’ valur għalih innifsu u għal ħaddieħor. Dik l-aġenda tiegħi.
- Id-dinja mhix se tispiċċa għalissa, naħseb. Allura, sa ġimgħa ilu kont għadni għaddej bis-saħħa fuq kollaborazzjoni li fil-qalba tagħha għandha ħafna distanzi u livelli ta’ diżorjentazzjoni. L-unika differenza mis-sens ta’ telfien vertiġinuż tal-iżolazzjoni sfurzatha hija li din diżorjentazzjoni mixtieqa. Fil-proġett Five Five kont qed naħdem mad-disinjaturi ta’ Solid Eye studio biex flimkien noħolqu għaxar dinjiet possibbli impoġġija f’ġejjien remot u ndefinit. Ix-xogħol li ħriġna bih ħadna ‘l bogħod fiż-żmien u kultant ‘il bogħod mil-liġijiet naturali u r-realtà li nafu, imma fl-ebda destinazzjoni ma sibna l-bniedem waħdu maqtugħ mill-bqija tal-ħolqien.
Ezra, The Kin dolls project, photo by Giola Cassar.
Words by Glen Calleja.