Il-ġmiel isalva d-dinja, jidwi Dostoesvky.
U, madwarna, jinbtu esperjenzi ġodda. Lussi ċkejkna jew xort’ oħra.
- Qari live, mill-awturi, fis-salott tiegħek. Kemm tieħu ħsieb l-inbid…
 - Mużew wara l-ieħor. Jaqbżu qabża s’għandek kumdità tiegħek.
 - Għana spirtu pront mill-gallariji mperrċa tad-djar
 - Naxriet imlewna ta’ tpinġijiet ħelwa mit-twieqi
 - Kotba li ilek għalihom min jaf kemm. Jaslulek, personalment, fuq l-għatba
 - Pjattaformi ta’ films ta’ stoffa inkredibbli. Miftuħa beraħ–
 - Performances u festivals diretti, bla tinqala’ minn darek
 - Żvilupp kreattiv – minn fuq l-iskrivanija tiegħek stess
 - Dibattiti mqanqla li qajla jafu fruntieri
 
It-tbatija u l-biża’, u l-monotonija u l-klawstrofobija u d-diqa għandhom ħabta jġegħluna nfittxu wens fil-ġmiel. L-urġenza li nagħmlu sens mill-istramberiji ta’ madwarna tissokta tkattar fina l-bżonn ta’ żvog. L-aħħar ma tmut, it-tama. F’qiegħ ruħna, nafu li l-ġmiel ifejjaq u jqawwi l-qalb – b’mod jew ieħor. U nixxennqu għall-ġmiel taħt seba’ u sebgħin sura : in-natura, l-arti, it-tjubija, is-sliem. Il-ġmiel, infinit.
 
Let the beauty we love be what we do – Rumi. 
Wiċċ imb wiċċ ma’ dawn ir-realtajiet strambi, l-ispazji tagħna jinxtorbu u jespandu fl-istess waqt. U tant prinċipji u ideat jieħdu xejriet u tifsiriet li ma bsarniex, mil-lejl għan-nhar. Ngħidu aħna:
- L-involviment u t-twessigħ tal-parteċipazzjoni
 - It-twettiq tad-drittijiet kulturali
 - Iz-zoni tal-kumdità u l-locus tal-kontroll
 - Is-sostenibililta tal-espressjoni kreattiva
 - Il-konfini tal-ispazju personali u ’l hinn
 - L-espressjoni u l-iżvog kreattiv, u s-saħħa mentali
 
 
U donnu, aktar ma jikber il-bżonn ta’ tbegħid u għeluq, aktar tikber il-ħrara għall-qrubija, u l-umanità, u r-rabtiet esħeħ ma’ ta’ madwarna u ’l hinn.
Dahrek mal-ħajt. Imkien fej’ taħrab, ħlief fik innifsek – li, jista’ jkun, drajt issikket biex tissokta għaddejja. Imkien fej’ taħrab, ħlief fil-ġmiel li ilu jfittxek u ma jsibekx. Issib ruħek toħloq id-dinjiet tiegħek. Biex ma tifgax. Biex tissokta għaddejja. Biex, mix-xewk, tkabbar bl-għożża kollha : il-ward. Mhix ir-rebbiegħa li konna qed nistennew dis-sena. Aktar fietla. Imgerrxa u fietla.
What exists, exists so that it can be lost and become precious – Lisa Mueller, In Passing. 
Words by Dr Simone Inguanez.