Il-European Film Festival miġjub f’Malta mill-EUNIC jirritorna għas-sitt edizzjoni tiegħu mit-Tlieta 15 sal-Ħadd 20 ta’ Settembru 2026 b’għaxar films kontemporanji minn għaxar pajjiżi differenti.
Tlieta mill-wirjiet ta’ din is-sena ser ikunu segwiti minn diskussjoni mat-timijiet illi ħadmu fuq il-films. Il-festival jiftaħ fil-15 ta’ Settembru b’Wishbone – drama Griega dwar gwardjan tas-sigurtà fi sptar involut f’każ ta’ frodi medika. Id-direttur ser ikun preżenti għal sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet mal-pubbliku.
Fis-16 ta’ Settembru ser jintwera l-film Pollakk The Altar Boys li juri grupp ta’ abbatini jieħdu l-ġustizzja b’idejhom. Wara jsegwi l-film Malti Ciao Ciao: erba’ koppji, lejl kaotiku u sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet mal-kast u mal-kittieba tal-iskripts. Din is-sena ser naraw ukoll id-dokumentarju rebbieħ tal-Oscar u l-BAFTA Mr Nobody Against Putin ta’ David Borenstein u Pavel Talankin. Dan id-dokumentarju tal-2025 jirrakkonta l-istorja ta’ għalliem Russu li jiddokumenta bil-moħbi t-trasformazzjoni tal-iskola żgħira tiegħu f’ċentru ta’ reklutaġġ għall-gwerra waqt l-invażjoni tal-Ukrajna.
Il-bqija tal-programm jinkuldi l-films Duse (l-Italja) fejn l-attriċi Eleonora Duse tirritorna fuq il-palk filwaqt li l-faxxiżmu jibda jogħlli rasu; The Fourth Wall (Franza) li jikkonsisti fl-adattament minn David Oelhoffen tar-rumanz ta’ Sorj Chalandon dwar it-tħejjija ta’ Antigone f’Beirut fi żmien il-gwerra; 22 Lengths (il-Ġermanja); Brazilians (l-Ungerija); Our Girls (in-Netherlands); u House on Fire (Spanja). Il-films kollha ser jintwerew bil-lingwa oriġinali tagħhom b’sottotitoli bl-Ingliż.
Dan il-festival qiegħed jiġi organizzat mill-grupp ta’ Malta tal-EUNIC – in-netwerk tal-Istituti Nazzjonali tal-Unjoni Ewropea għall-Kultura. Il-membri tiegħu jinkludu l-Ambaxxati ta’ Spanja, Franza, tal-Ġermanja, tal-Greċja, tal-Ungerija, tan-Netherlands u tal-Polonja, l-Alliance Française de Malte-Méditerranée, l-Istituto Italiano di Cultura, il-Kunsill Malti għall-Arti u r-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.
Programm
| Data | Ħin | Pajjiż | Film |
| It-Tlieta 15 ta’ Settembru | 7pm | Il-Greċja | Whishbone (2024) – issegwi sessjoni Q&A |
| L-Erbgħa 16 ta’ Settembru | 5.45pm | Il-Polonja | The Altar Boys / Ministranci (2025) – issegwi sessjoni Q&A |
| L-Erbgħa 16 ta’ Settembru | 8.45pm | Malta | Ciao Ciao (2025) – issegwi sessjoni Q&A |
| Il-Ħamis 17 ta’ Settembru | 6.00pm | L-Italja | Duse (2025) |
| Il-Ħamis 17 ta’ Settembru | 8.30pm | Franza | The Fourth Wall / Le Quatrième mur (2024) |
| Il-Ġimgħa 18 ta’ Settembru | 6.00pm | Il-Ġermanja | 22 Lengths / 22 Bahnen (2022) |
| Il-Ġimgħa 18 ta’ Settembru | 8.30pm | Il-Kummissjoni Ewropea | Mr Nobody Against Putin (2025) |
| Is-Sibt 19 ta’ Settembru | 4.00pm | L-Ungerija | Brazilians / Brazilok (2017) |
| Il-Ħadd 20 ta’ Settembru | 4.30pm | In-Netherlands | Our Girls / Voor de Meisjes (2025) |
| Il-Ħadd 20 ta’ Settembru | 7.30pm | Spanja | House on Fire / Casa en llamas (2024) |
Informazzjoni prattika
Post: Spazju Kreattiv
Dħul: B’xejn
Agħfas hawnhekk għall-biljetti.
Il-Films ser jintwerew bil-lingwa oriġinali b’sottotitli bl-Ingliż.