L-Għotja Legali u Finanzjarja hi waħda mill-għodod tagħna biex nittrattaw u nimplimentaw l-istrateġija kontinwa tal-Kunsill Malti għall-Arti, b’enfażi fuq it-trawwim tal-potenzjal kreattiv u l-appoġġ tal-iżvilupp tiegħu f’attività professjonali.
L-għotja għandha l-għan li tagħti struttura ta’ appoġġ li tħeġġeġ lill-prattikanti kreattivi u lill-organizzazzjonijiet kreattivi biex jirrispondu għall-ħtiġijiet professjonali, strutturali u ta’ konformità fis-settur. L-Għotja Legali u Finanzjarja tippermetti lill-benefiċjarji jsostnu l-iżvilupp tal-prattika tagħhom. L-għotja ser tiffaċilita l-aċċess għal għarfien espert legali u finanzjarju kkwalifikat, tappoġġa lill-artisti fin-navigazzjoni tal-kuntratti, it-tassazzjoni u l-oqfsa regolatorji, u tipprevjeni jew ittaffi t-tilwim professjonali u l-ġestjoni finanzjarja ħażina filwaqt li tikkontribwixxi għal ekosistema kulturali iżjed reżiljenti.
L-Għotja Legali u Finanzjarja hi għotja ta’ darba mfassla biex tipprovdi appoġġ għall-bini tal-kapaċità. Din l-għotja għandha l-għan li:
- ssaħħaħ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti fis-settur kulturali;
- ttejjeb il-litteriżmu legali u s-sigurtà kuntrattwali;
- ttejjeb is-sostenibbiltà finanzjarja u l-konformità;
- tnaqqas ir-riskju professjonali assoċjat mal-prattika artistika.
L-applikanti mistennija jagħtu konsiderazzjoni dovuta, kif xieraq, lill-prinċipji ewlenin deskritti fil-Karta għall-Istatus tal-Artisti meta jressqu l-proposta tagħhom biex jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-artisti. Dawn jinkludu d-dritt għal-libertà artistika, aċċessibbiltà mtejba, ir-rikonoxximent tal-ħiliet formali/informali/mhux formali, kundizzjonijiet soċjoekonomiċi deċenti, in-non-diskriminazzjoni u l-ekwità, kunsiderazzjonijiet etiċi u aderenza għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-liġi internazzjonali tax-xogħol. Il-Karta għall-Istatus tal-Artisti hi maħsuba biex tipprovdi qafas ta’ referenza dinamiku għal kwalunkwe leġiżlazzjoni, politika jew inizjattiva li tħalli impatt dirett jew indirett fuq l-artisti u s-setturi kulturali u kreattivi. Tfasslet ukoll biex tiżgura li kwalunkwe azzjoni tkun allinjata mal-viżjoni aħħarija fit-tul tal-KMA li jevalwa l-istatus tal-artisti f’Malta skont il-valur tanġibbli tagħhom għas-soċjetà.
Il-Kunsill Malti għall-Arti qed jorganizza sessjoni ta’ informazzjoni onlajn (E-Info) fis-27 ta’ Lulju f’nofsinhar. Irreġistra hawnhekk.