Permezz tal-Culture Pass studenti tal-kindergarten, tal-primarja, tal-iskejjel medji, skola anzjana u studenti post-sekondarji sal-Livell 4 tal-MQF ser jingħataw l-opportunità li jgawdu mill-inqas produzzjoni artistika waħda matul is-sena skolastika. Dawn il-produzzjonijiet jittellgħu minn professjonisti kreattivi permezz ta’ programm ikkurat.
Il-Culture Pass tfassal biex:
I. Joffri lit-tfal u lill-istudenti mill-kindergarten sal-iskejjel post-sekondarji jew istituti edukattivi sal-Livell 4 sal-MQF esperjenzi kulturali u artistiċi professjonali tal-ogħla kwalità;
II. Jikkumplimenta r-riżultati tat-tagħlim tal-Kurrikulu Nazzjonali u jżid il-valur tal-edukazzjoni kulturali u tas-suġġetti kurrikulari u t-temi transkurrikulari (il-litteriżmu, il-litteriżmu diġitali, it-tagħlim dwar kif nitgħallmu u t-tagħlim koperattiv, l-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli, l-intraprenditorija, id-diversità u l-kreattività u l-innovazzjoni);
III. Iħeġġeġ lill-prattikanti kreattivi joħolqu u jiżviluppaw xogħol ġdid għal udjenzi żgħar u jżid il-kapaċità tal-programmazzjoni tul perjodi itwal biex jikkollega dixxiplini artistiċi u mhux artistiċi mal-kurrikulu tal-istudenti.
Sejħa għal Espressjoni ta’ Interess
Id-Direttorat tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali u l-Kunsill Malti għall-Arti qegħdin iħabbru b’mod konġunt Sejħa għal Espressjoni ta’ Interess għat-tressiq/proposti ta’ avvenimenti ta’ natura kulturali u artistika maħsuba għat-tfal u għal studenti mill-Kindergarten u l-iskejjel primarji u għal studenti li jattendu skejjel medji, superjuri u post-sekondarji. L-attivitajiet għandhom isiru bejn id-data tat-tnedija u Ġunju 2027.
Din is-Sejħa tfasslet biex tippermetti lill-prattikanti kreattivi jiġġeneraw xogħol affaxxinanti, kreattiv, innovattiv, oriġinali kif ukoll xogħol diġà eżistenti għal udjenzi f’dawn il-kategoriji ta’ età u biex tagħti l-opportunità lit-tfal u liż-żgħażagħ igawdu mill-inqas attività kulturali waħda bħala estensjoni għall-kurrikulu kopert tul is-sena skolastika.
L-objettivi tal-Culture Pass huma li:
- Jippermetti l-iżvilupp edukattiv għat-tfal u għall-istudenti li jattendu istituzzjonijiet edukattivi, mill-edukazzjoni bikrija sal-istituti edukattivi sal-livell 4 tal-MQF permezz ta’ mezzi kulturali u artistiċi, b’mod speċjali billi jtejjeb b’mod kreattiv il-kurrikulu u r-riżultati tat-tagħlim koperti fl-iskola.
- Iħeġġeġ il-kollaborazzjoni bejn is-setturi edukattivi u kulturali u setturi relevanti oħra bħax-xjenza u t-teknoloġija. Ser tingħata prijorità lil dawk illi jtellgħu proġetti u produzzjonijiet permezz ta’ approċċ transkurrikulari.
- Iħeġġeġ u jappoġġa liż-żgħażagħ biex jieħdu sehem f’attivitajiet kulturali u artistiċi.
- Jinċentiva lill-produtturi kulturali biex jipproduċu produzzjonijiet ġodda u attivitajiet artistiċi mfassla speċifikament għat-tfal u għaż-żgħażagħ.
- Joħloq udjenzi ġodda f’ġeneri u fi stili differenti.
- Jippromwovi l-kultura u l-arti bħala attività divertenti, sodisfaċenti, impenjattivi u eċċitanti għaż-żgħażagħ.