Il-Fond tal-President għall-Kreattività huwa inizjattiva minn serje sħiħa ta’ inizjattivi, u għandu l-għan li jsaħħaħ l-inklużività, l-iżvilupp komunitarju, u l-benesseri permezz tal-ingaġġar kulturali u l-espressjoni kreattiva. Dan il-fond huwa marbut mat-twettiq tal-Istrateġija 2030 tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Il-Fond tal-President għall-Kreattività jippromwovi l-qsim ta’ stejjer xi ftit moħbija li iżda jgħaqqduna, waqt li jiżgura li ħadd ma jitħalla barra. Isostni prattiċi kreattivi parteċipatorji ma’ gruppi li ftit li xejn jintlaħqu u li huma mwarrba, irawwem spazji sikuri u affidabbli li fihom il-persuni jħossuhom emanċipati biex jingħaqdu u jesploraw il-kreattività tagħhom biex jesprimu l-ideat u l-ħsus tagħhom.
Il-Fond tal-President għall-Kreattività jinvesti speċifikament fi proċessi kreattivi kollaborattivi li jsaħħu r-rabtiet komunitarji, jinkoraġġixxu l-ħsieb kritiku, u jippermettu l-ħolqien kreattiv – b’mod li joffru sinifikat f’mumenti żgħar u b’tifsira li jispiraw it-tama u l-bidla soċjali pożittiva. L-applikazzjonijiet jistgħu jfittxu sostenn għal inizjattivi piloti, jew biex jiżviluppaw inizjattivi li diġà rnexxew.
Matul il-vjaġġ tiegħu, il-fond jippermetti lill-professjonisti kreattivi jibnu relazzjonijiet aktar profondi mal-komunitajiet u jiffaċilita l-ingaġġar kulturali bħala mogħdija għall-benesseri b’mod sħiħ. Isostni inizjattivi li jisfidaw l-istaġnar kreattiv u jippromwovi b’mod attiv l-inklużjoni u ċ-ċelebrazzjoni tad-diversità billi jwessa’ l-mod kif il-persuni jistħajlu lilhom infushom, lil oħrajn, u d-dinja madwarhom.
Fil-qofol tiegħu, il-Fond tal-President għall-Kreattività, jirrikonoxxi b’mod kruċjali fl-ogħla livell tal-Istat, il-qawwa tal-arti u l-kultura billi jindirizza ħtieġa urġenti għal sensittività soċjali u vuċijiet awtentiċi. Jippromwovi soċjetà inklużiva li trawwem il-kreattività, iħabbat wiċċu ma’ kwistjonijiet diffiċli, u b’mod kollaborattiv ifittex soluzzjonijiet flimkien, b’esperjenzi maqsuma waħda wara oħra.
Il-fond huwa parti mill-programm ta’ finanzjament tagħna għal skambju komunitarju, u jimmira li jinvesti f’dawn l-elementi:
- Aktar parteċipazzjoni kulturali f’Malta u Għawdex;
- Fehim u ingaġġar aħjar bejn l-artisti u l-komunitajiet;
- Aktar diversità fil-programmar kulturali;
- Aktar importanza għal kultura li hija aktar rappreżentattiva tas-soċjetà Maltija kollha;
- Żvilupp sostenibbli.
Il-Fond tal-President għall-Kreattività jrid:
- Jgħaqqad lill-professjonisti kreattivi ma’ gruppi li huma diffiċli jintlaħqu u mwarrba, biex flimkien irawmu spazji sikuri u affidabbli li fihom il-persuni jħossuhom emanċipati u b’hekk jinvolvu ruħhom u jesprimu l-ideat u l-ħsus tagħhom;
- Isostni prattiċi mfassla biex irawmu diversità, ekwità, inklużjoni, appartanenza, benesseri u riġenerazzjoni permezz tal-ingaġġar kulturali u l-espressjoni kreattiva;
- Jagħti aċċessibbiltà għal firxa wiesgħa ta’ esperjenzi artistiċi u opportunitajiet għal ingaġġar kulturali lil gruppi li huma diffiċli jintlaħqu u mwarrba;
- Jixpruna l-kontribuzzjoni ta’ organizzazzjonijiet, entitajiet u istituzzjonijiet lejn żvilupp komunitarju u l-benesseri permezz ta’ ingaġġar kulturali u espressjoni kreattiva.
L-applikazzjoni għandha turi b’mod ċar il-benefiċċji tal-proġett/programm/prattika għall-gruppi li huma diffiċli jintlaħqu u mwarrba.
Is-sieħeb ewlieni jista’ jikkollabora ma’ organizzazzjoni oħra jew aktar u/jew ma’ professjonist individwali ieħor jew aktar biex flimkien jiżviluppaw proġett/programm/prattika ta’ arti komunitarja li tgħaqqad l-ogħla standards ta’ kwalità u prattika tajba, kemm minn perspettiva artistika kif ukoll minn dik soċjali.
F’konsistenza mal-Istrateġija 2030, u l-impenn tal-Kunsill Malti għall-Arti biex isostni l-arti b’approċċ sostenibbli u responsabbli għall-investiment pubbliku, b’attenzjoni partikolari fuq l-oqsma strateġiċi tal-prattiċi ġusti, il-komunità, u l-inklużjoni, l-applikanti huma nkoraġġuti jikkunsidraw fejn xieraq, il-prinċipji mniżżla fir-rekwiżiti.
Barra minn hekk, il-Kunsill Malti għall-Arti jiġbed l-attenzjoni tal-applikanti dwar il-prijoritajiet strateġiċi tiegħu:
Id-Dritt għall-Kultura – Riżorsi, b’attenzjoni speċjali għall-ingaġġar komunitarju u l-adozzjoni ta’ approċċ imsejjes fuq id-drittijiet f’xogħolhom. Dan il-pakkett ta’ riżorsi għandu l-għan li jżid l-għarfien dwar l-inklużività u jsostni l-implimentazzjoni tad-drittijiet kulturali fil-prattika kwotidjana tagħna.
L-applikanti huma mistennija wkoll jikkunsidraw, kif xieraq, il-prinċipji mniżżla fil-Karta għall-Istatus tal-Artisti, biex jiżguraw kundizzjonijiet ta’ xogħol ġusti, li jħaddnu libertà artistika, aċċessibbiltà, rikonoxximent ta’ ħiliet formali/informali/mhux formali, kundizzjonijiet soċjoekonomiċi xierqa, nuqqas ta’ diskriminazzjoni u ekwità, kunsiderazzjonijiet etiċi u żamma mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-liġi internazzjonali tax-xogħol. Il-Karta għall-Istatus tal-Artisti tipprovdi qafas ta’ referenza dinamiku għal-leġiżlazzjoni, il-politiki, u l-inizjattivi li jħallu impatt dirett jew indirett fuq l-artisti u s-setturi kulturali u kreattivi, u tiżgura li l-azzjonijiet huma allinjati mal-viżjoni fit-tul taż-żmien li tgħolli l-istatus tal-artisti u l-ħaddiema kulturali f’Malta f’konformità mal-valur tagħhom fis-soċjetà.
Il-Fond tal-President għall-Kreattività huwa ġestit b’mod konġunt mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta u l-Kunsill Malti għall-Arti.
Sabiex nappoġġjaw lill-applikanti prospettivi, ser issir sessjoni ta’ informazzjoni online nhar it-Tnejn, 8 ta’ Ġunju 2026 f’nofsinhar. Matul is-sessjoni ser tingħata gwida prattika dwar l-għanijiet tal-iskema, il-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-proċess tal-applikazzjoni, kif ukoll ser ikun hemm sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet.
Il-parteċipanti jistgħu jingħaqdu hawn:
https://us02web.zoom.us/j/81632162805?pwd=Z854ESowe2UUMyVnGUvznO0BDBhMae.1