Dan il-programm se jgħin lir-Reġjuni u lil dawk involuti fil-kunsilli tagħhom biex jappoġġjaw u jmantnu l-ekoloġija kreattiva u kulturali ta’ Malta, waqt li jwettqu diplomazija kulturali billi jippermettu attivitajiet kulturali u kollaborazzjonijiet ma’ professjonisti kreattivi u operaturi kulturali biex:
- Jintroduċu programmi li jinvolvu b’mod attiv parteċipanti ta’ demografiji varji (età, ġeneru, etniċità, nazzjonalità) fi ħdan id-diversi oqsma reġjonali kulturali.
- Irawmu sinerġiji transsettorjali fuq livelli lokali u nazzjonali li jirrikonoxxu l-arti u l-kultura bħala essenzjali għall-benesseri ta’ kulħadd.
- Imantnu, jibnu, u jrawmu sħubijiet strateġiċi, kollaborazzjonijiet, u netwerks ġodda u eżistenti biex jinħolqu aktar opportunitajiet għall-artisti u l-professjonisti kreattivi.
- Iħeġġu l-involviment ta’ komunitajiet diversi fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li fl-istess ħin jipprovdu opportunitajiet għal involviment u teħid ta’ responsabbiltà fil-komunità biex jitwessa’ l-ambitu ta’ impenn fi ħdan l-arti u l-kultura.
Il-Kunsill Reġjonali għandu bżonn jipprovdi proposta ta’ programm ta’ attivitajiet marbuta miegħu b’qafas ta’ objettivi komuni. L-attivitajiet jistgħu jinkludu avvenimenti, produzzjonijiet, prestazzjonijiet, esebizzjonijiet, festivals, inizjattivi kulturali komunitarji, riċerka, inizjattivi ta’ taħriġ u żvilupp biex permezz tagħhom il-Kunsill Reġjonali jikkonvinċi li l-proposta tiegħu allinjata mal-Istrateġiji Kulturali Reġjonali rispettivi tiegħu. Il-programm għandu l-għan li permezz ta’ kull proġett kulturali jiffaċilita aktar kollaborazzjonijiet bejn ir-Reġjuni u l-operaturi kulturali rispettivi ta’ kull Reġjun kif ukoll lil hinn biex jinkoraġġixxu impenn transsettorjali.
Il-Programm Reġjonali ta’ Koperazzjoni Kulturali għandu l-għan li jinvesti f’:
• Żieda fil-parteċipazzjoni kulturali ta’ kull ġenerazzjoni u demografija madwar Malta u Għawdex.
• Titjib fil-komunikazzjoni u l-prattika tanġibbli bejn ir-Reġjuni u l-operaturi kulturali.
• Diversità fil-programmazzjoni kulturali u reġjonali
• Kultura li hija aktar rappreżentattiva tas-soċjetà Maltija kollha, billi nestendu l-prattika tagħna lil hinn minn dik tradizzjonali.
L-applikanti huma mħeġġa jikkunsidraw, kif xieraq, il-prinċipji spjegati fid-Dritt għall-Kultura – Pakkett ta’ Riżorsi meta jizviluppaw il-proposta tagħhom b’rabta ma’ kif jimpenjaw ruħhom mal-komunitajiet u l-konsiderazzjonijiet tad-drittijiet kulturali ta’ kulħadd fix-xogħol tagħhom. Dan il-pakkett ta’ riżorsi għandu l-għan li jżid l-għarfien dwar l-inklussività u jappoġġja l-implimentazzjoni tad-drittijiet kulturali fil-prattika tagħna ta’ kuljum.
L-applikanti huma wkoll mistennija li jikkunsidraw, kif xieraq, il-prinċipji ewlenin deskritti fil-qosor fil-Karta għall-Istatus tal-Artist rter for the Status of the Artist meta jipproponu l-attivitajiet operattivi u ta’ programmazzjoni tagħhom biex jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol aċċettabbli u ġusti għall-artisti. Dawn jinkludu d-dritt għal-libertà artistika, l-aċċessibbiltà mtejba, ir-rikonoxximent ta’ ħiliet formali/informali/non-formali, kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi deċenti, non-diskriminazzjoni u ekwità, konsiderazzjonijiet etiċi u aderenza mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-liġi internazzjonali tax-xogħol. Il-Karta għall-Istatus tal-Artist hija maħsuba biex tipprovdi qafas dinamiku ta’ referenza għal kwalunkwe leġiżlazzjoni, politika, jew inizjattiva li jkollha impatt dirett jew indirett fuq l-artisti u s-setturi kulturali u kreattivi, u tiżgura li kwalunkwe azzjoni tkun allinjata mal-viżjoni aħħarija fit-tul li tgħolli l-istatus tal-artisti f’Malta f’konformità mal-valur tanġibbli tagħhom għas-soċjetà.