Il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-istħarriġ ġiet imnedija waqt l-avveniment L-Istat tal-Arti, Simpożju Nazzjonali, f’Ottubru 2024. Ir-riżultati jippreżentaw analiżi siewja tal-kundizzjonijiet li fihom ħadmu l-prattikanti artistiċi, kreattivi u kulturali fid-dawl tal-bidliet li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19 u sfidi oħra nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll l-attitudnijiet, ix-xewqat u l-perċezzjoni personali tal-prattikanti. Dan l-istħarriġ ta’ segwitu żgura komparabbiltà u fehim fit-tul tat-tendenzi li jiddeterminaw il-prattika kulturali u kreattiva f’Malta.
Ġie impjegat proċess ta’ kampjunar stratifikat bl-għażla każwali (mingħajr sostituzzjoni). Barra minn hekk, intużaw kwoti matul il-fażi tal-ġbir tad-dejta biex jiġi żgurat li n-numru meħtieġ ta’ persuni minn kull sottogrupp ġie magħżul. B’kollox, ġew ikkuntattjati 2,428 persuna għall-istħarriġ, li minnhom 1,007 ħadu sehem, filwaqt li 1,251 persuna oħra ma kinux eliġibbli biex jipparteċipaw. Id-dejta nġabret permezz ta’ intervisti bit-telefon assistiti b’mod kompjuterizzat (CATI) bejn it-22 ta’ Jannar u l-1 ta’ Frar 2024..
Għal aktar informazzjoni, ir-rapport sħiħ jista’ jitniżżel hawn.