In-Numru tal-Permess tal-Jobsplus: 487/2025
Il-Prijoritajiet tal-Kariga
L-Eżekuttiv(a) tal-Internazzjonalizzazzjoni se j/taħdem taħt is-superviżjoni tal-Kap Eżekuttiv tar-Relazzjonijiet u l-Avvenimenti Kulturali Internazzjonali fi ħdan it-tim tal-Internazzjonalizzazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti (KMA). Il-kandidat(a) magħżul(a) se j/tikkontribwixxi għall-viżjoni tal-programm ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-KMA, b’fokus speċifiku fuq il-programmi u inizjattivi ta’ esportazzjoni li huma parti mill-portafoll tal-KMA, fosthom il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’avvenimenti internazzjonali kif ukoll kollaborazzjonijiet kulturali.
Id-Dmirijiet u r-Responsabbiltajiet Ewlenin
- Tgħin lit-tim tal-Internazzjonalizzazzjoni;
- Tgħin fis-sorveljanza, il-kordinazzjoni, it-tmexxija u l-iżvilupp tal-parteċipazzjoni ta’ Malta f’inizjattivi u avvenimenti internazzjonali;
- Tgħin f’kollaborazzjonijiet ma’ networks internazzjonali bħalma huma l-IFACCA, il-EUNIC, u l-IETM
- Tgħin fit-twettiq b’suċċess ta’ avvenimenti kulturali internazzjonali mtellgħa b’kollaborazzjoni mal-Ambaxxati Maltin barra mill-pajjiż, speċifikament dawk organizzati mill-Clusters tal-EUNIC madwar id-dinja;
- Tgħin fit-tmexxija tal-parteċipazzjoni ta’ Malta f’avvenimenti internazzjonali fuq skala kbira bħalma huma l-Biennali ta’ Venezja u/jew il-Biennali tal-London Design;
- Tgħin fi stadji importanti u r-riżultati tanġibbli ta’ proġetti tal-programmi u l-inizjattivi internazzjonali tal-KMA fir-rigward ta’ skadenzi u indikaturi stabbiliti, biex tiżgura t-twettiq b’suċċess tagħhom;
- Tgħin fit-tmexxija u l-kordinazzjoni ta’ proġetti internazzjonali, u tiżgura t-twettiq effettiv ta’ kwalunkwe avveniment skedat li huwa parti mill-proġetti;
- Tissorvelja t-tmexxija, il-kordinazzjoni, u t-twettiq tal-pjanijiet tal-marketing u l-komunikazzjoni biex dawn jippromwovu programmi u inizjattivi internazzjonali, billi tgħin fost oħrajn iżda mhux biss, fil-ġbir ta’ data, il-kitba ta’ kontenut, l-abbozzar u l-editjar ta’ informazzjoni, f’inizjattivi u eżerċizzji ta’ relazzjonijiet pubbliċi u marketing marbuta ma’ proġetti internazzjonali
- Tgħin fl-abbozzar ta’ korrispondenza, sejħiet miftuħa, proposti, u rapporti ta’ proġetti internazzjonali;
- Tgħin fil-kollaborazzjonijiet ma’ networks ta’ diplomazija kulturali biex taġġorna l-istrateġija internazzjonali tal-KMA vis-à-vis s-CCSs;
- Tabbozza rapporti u baġits;
- Tgħin fl-għoti ta’ kuntratti u l-amministrazzjoni kif meħtieġ;
- Taqdi kwalunkwe dmir ieħor assenjat mill-Kap Eżekuttiv tal-KMA u l-Maniġment Anzjan.
Kwalifiki u Esperjenza Meħtieġa
- Maġisteru rikonoxxut fil-Livell 7 tal-MQF (suġġett għal minimu ta’ 90 krettu skont l-ECTS/ECVET, jew ekwivalenti f’każ ta’ programmi li bdew minn jew wara Ottubru tal-2008) fl-Istudji Umanistiċi, l-Arti, il-Komunikazzjoni, il-Ġestjoni Kulturali, il-Ġestjoni ta’ Avvenimenti jew kwalifika professjonali komparabbli, kif ukoll esperjenza ta’ sena waħda (1) ta’ ħidma f’qasam relevanti.
JEW
- Baċellerat rikonoxxut fil-Livell 6 tal-MQF (suġġett għal minimu ta’ 180 krettu skont l-ECTS/ECVET, jew ekwivalenti f’każ ta’ programmi li bdew minn jew wara Ottubru tal-2003) fl-Istudji Umanistiċi, l-Arti, il-Komunikazzjoni, il-Ġestjoni Kulturali, il-Ġestjoni ta’ Avvenimenti jew kwalifika professjonali komparabbli, kif ukoll esperjenza ta’ sentejn (2) ta’ ħidma f’qasam relevanti.
JEW
- Diploma rikonoxuta fil-Livell 5 tal-MQF fl-Istudji Umanistiċi, l-Arti, il-Komunikazzjoni, il-Ġestjoni Kulturali, il-Ġestjoni ta’ Avvenimenti jew kwalifika professjonali komparabbli, kif ukoll esperjenza ta’ ħames (5) snin ta’ ħidma f’qasam relevanti.
Teħtieġ ukoll:
- Rekord bil-provi ta’ ħidma fis-settur kulturali;
- Ħiliet ta’ komunikazzjoni bil-kitba u verbali kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż;
- Għarfien tas-setturi kulturali u kreattivi;
- Tkun networker eċċellenti;
- Għarfien ġenerali tal-proċeduri tal-uffiċċju u tar-Regolamenti tal-Għoti ta’ Kuntratti Governattivi;
- Ħiliet qawwija ta’ organizzazzjoni u amministrattivi u attenzjoni għad-dettall;
- Ħiliet interpersonali eċċellenti kif ukoll fis-servizz tal-klijenti;
- Ħila ppruvata li tosserva u tikseb ħiliet ġodda f’rabta ma’ ħiliet ta’ komunikazzjoni esterna u interna;
- Attitudni kreattiva u l-ħila li taħdem taħt pressjoni, tlesti l-kompiti b’mod effiċjenti, u tilħaq skadenzi stretti;
- Impenn lejn is-servizz tal-klijenti u tmexxija ta’ kwalità.
Il-Kuntratt u Informazzjoni dwar is-Salarju
Il-kandidat magħżul(a) jidħol f’kuntratt ta’ impjieg full-time fuq bażi indefinita. Għas-sena 2025, is-salarju bażiku mħallas huwa ta’ €32,798 (Grad 5 tal-Valutazzjoni u Struttura tas-Salarju tal-KMA), flimkien ma’ Allowance ta’ Disturbanza sa massimu ta’ 15% kull sena, u Bonus għall-Prestazzjoni li jitla’ sa 10% kull sena.
L-Applikazzjonijiet
L-applikanti, sal-ħin u d-data ta’ skadenza ta’ din is-sejħa għandhom ikunu:
(a) ċittadini ta’ Malta; jew
(b) ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea li għandhom jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni tal-UE u dispożizzjonijiet ta’ trattati dwar iċ-ċaqliq ħieles tal-ħaddiema; jew
(ċ) ċittadini ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor li għandhom jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg minħabba li jkunu japplikaw għal dak il-pajjiż b’leġiżlazzjoni tal-UE u dispożizzjonijiet ta’ trattati dwar iċ-ċaqliq ħieles tal-ħaddiema; jew
(d) kwalunkwe persuna oħra li għandha jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg permezz tar-relazzjoni familjari tagħha ma’ persuni msemmija fil-paragrafi (a), (b) jew (ċ), skont kif hemm fil-liġi jew fil-leġiżlazzjoni tal-UE u d-dispożizzjonijiet ta’ trattati msemmija hawn fuq; jew
(e ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ngħataw status ta’ resident għal żmien twil f’Malta taħt ir-regolament 4 tar-Regolamenti dwar “Status ta’ Residenti għal Żmien Twil (Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi) tal-2006”, jew li jkunu ngħataw permess ta’ residenza taħt ir-regolament 18(3) tal-istess regolamenti, flimkien mal-membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ngħataw permess ta’ residenza taħt ir-Regolamenti dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familji, 2007”.
(f) persuni li għandhom dokument ta’ residenza maħruġ skont it-termini tal-Istatus tar-Residenza taċ-Ċittadini tar-Renju Unit u l-Membri tal-Familja Tagħhom f’Malta skont il-Ftehim tal-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika.
Il-pariri tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u l-Affarijiet tal-Espatrijati fi ħdan l-Aġenzija Identità għandhom jintalbu skont il-ħtieġa fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.
Il-ħatra ta’ kandidati li jaqgħu taħt punti (b), (ċ), (d), (e) u (f) imsemmija hawn fuq teħtieġ il-ħruġ ta’ liċenzja ta’ impjieg fil-każi li din tkun meħtieġa mill-Att dwar l-Immigrazzjoni u l-leġiżlazzjoni sussidjarja. F’dak il-każ, l-entità Jobsplus għandha tiġi kkonsultata skont il-ħtieġa dwar din il-materja.
L-applikanti interessati jeħtieġu jibagħtu ittra ta’ motivazzjoni flimkien ma’ CV u kopji taċ-ċertifikati f’email indirizzata lil vacancies@artscouncil.mt
Applikanti li għandhom kwalifiki barranin jeħtieġu jipproduċu stqarrija ta’ rikonoxximent miċ- Ċentru Malti għal Rikonoxximent ta’ Kwalifiki u ta’ Informazzjoni (MQRIC) li jinsab fi ħdan il-Malta Further and Higher Education Authority (MFHEA). Din tista’ tinkiseb billi tissottometti applikazzjoni online għar-rikonoxximent tal-kwalifiki fuq https://services.mfhea.mt/CertificationApplication.aspx. Din l-istqarrija għandha tinhemeż mal-applikazzjoni waqt li l-kopja oriġinali għandha tiġi ppreżentata waqt l-intervista.
Id-data ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet hija nhar il-Ġimgħa, is-6 ta’ Ġunju 2025 f’nofsinhar
L-applikanti eliġibbli jissejħu għal intervista.