Il-Kunsill Malti għall-Arti qiegħed jikkura Rockestra: The Evolution,
L-esebizzjoni Rockestra: The Evolution tiċċelebra l-patrimonju viżiv ta’ wieħed mill-aktar avvenimenti distintivi tal-mużika lajv Maltija permezz tax-xogħol tal-fotografi professjonali li ddokumentawh tul is-snin.
Din l-esebizzjoni ser tittraċċa l-evoluzzjoni ta’ Rockestra permezz ta’ immaġnijiet illi jirriflettu l-enerġija, l-iskala, l-artistrija, l-udjenzi u l-mumenti ewlenin tagħha. Toħloq ukoll rekord viżiv tal-vjaġġ tagħha mill-bidu tagħha sal-lum.
L-esebizzjoni ser issir fl-MFCC tul il-lejla ta’ Rockestra ħalli tifforma parti mill-esperjenza tal-udjenza waqt illi l-mistednin jidħlu biex igawdu l-ispettaklu.
Min Jista’ Jissottometti
Qegħdin nistiednu lil fotografi li ġibdu ritratti ta’ xi edizzjoni tal-imgħoddi ta’ Rockestra biex iressqu għażla tax-xogħol tagħhom għall-valutazzjoni tagħna.
Il-fotografi interessati jistgħu jressqu sa 10 ritratti. Ir-ritratti jistgħu jinkwadraw prestazzjonijiet, artisti, mużiċisti, mumenti wara l-kwinti, udjenzi, produzzjoni, atmosferi jew episodji oħra li kapċi jirrakkontaw l-istorja ta’ Rockestra u tal-evoluzzjoni tagħha.
Is-sottomissjoni perse ma tiggarantix l-inklużjoni fl-esebizzjoni finali. Il-Kunsill Malti għall-Arti ser jikkura l-għażla finali mir-ritratti kollha li jaslulu.
Ħlas għall-parteċipazzjoni
Il-fotografi li jintgħażel xogħolhom għal din l-esebizzjoni jirċievu €100 ħlas għall-parteċipazzjoni tagħhom.
Ladarba Rockestra tittella’ b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation, il-fotografi magħżula jistgħu jagħżlu li jċedu l-ħlas tal-parteċipazzjoni tagħhom biex il-kontribuzzjoni tagħhom tingħata, minflok, għall-karità.
L-Istampar u l-Esebizzjoni
Il-Kunsill Malti għall-Arti ser jieħu ħsieb l-istampar u l-immuntar tar-ritratti kollha magħżula.
Kemm-il darba xi ritratt jirrikjedi xi metodu ta’ stampar, format, ritalju u finitura partikulari jew kwalunkwe kunsiderazzjoni speċjali oħra, dan għandu jiġi enfasizzat b’mod ċar waqt it-tressiq tax-xogħol. Il-Kunsill Malti għall-Arti mbagħad jieħu nota ta’ dawn ir-rekwiżiti waqt it-tħejjija tal-esebizzjoni finali.
Wara l-ispettaklu ta’ Rockestra, l-istampi fiżiċi jingħataw lura lill-fotografi rispettivi.
Rekwiżiti għat-Tressiq tar-Ritratti
Ir-ritratti kollha għandhom jitressqu bir-riżoluzzjoni sħiħa tagħhom u bl-ogħla kwalità disponibbli ħalli jkunu adattati għall-istampar professjonali b’format imdaqqas.
Kull sottomissjoni għandha tinkludi:
- 1. L-isem sħiħ tal-fotografu/fotografa
- 2. Id-dettalji tal-kuntatt
- 3. Sa 10 ritratti b’riżoluzzjoni għolja
- 4. Is-sena jew l-edizzjoni ta’ Rockestra li matulha nġibed kull ritratt, meta magħrufa
- 5. Kwalunkwe informazzjoni jew kuntest relevanti relatat mar-ritratti
- 6. Kull rekwiżit speċifiku għall-istampar, għar-ritalji jew għall-preżentazzjoni
- 7. Konferma li l-fotografu/fotografa għandhom id-drittijiet meħtieġa fuq ir-ritratti mressqa lilna
Id-drittijiet tal-awtur u s-sjieda tar-ritratti kollha mressqa jibqgħu tal-fotografi. Madankollu s-sottomissjoni tagħti lill-Kunsill Malti għall-Arti l-permess li jirriproduċi r-ritratti magħżula speċifikament għall-finijiet tal-esebizzjoni Rockestra: The Evolution u l-promozzjoni tagħha, dejjem bl-indikazzjoni xierqa tal-ismijiet tal-fotografi.
Tagħrif Importanti
Email: [email protected]
Skadenza: 5 ta’ Settembru 2026
Rispons lil fotografi magħżula sa: 12 ta’ Settembru 2026
Permezz ta’ Rockestra: The Evolution, il-Kunsill Malti għall-Arti għandu l-għan illi jiċċelebra l-istorja ta’ wieħed mill-aktar avvenimenti mużikali stabbiliti tagħna kif ukoll lill-fotografi illi ddokumentaw l-istorja tiegħu minn wara l-lenti.