Dwar l-irwol
Il-Koordinatur tal-Komunikazzjoni se jkun responsabbli għall-ippjanar, l-eżekuzzjoni, u l-ġestjoni tal-attivitajiet tal-komunikazzjoni għal proġett tal-UE mogħti lill-KMA taħt il-Fond Soċjali Ewropew Plus (ESF+). Dan l-irwol jinkludi l-koordinament ta’ sforzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi, l-akkwist ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni, il-ġestjoni tal-ħolqien tal-kontenut, u l-iżgurar tal-konformità mal-linji gwida ta’ viżibbiltà tal-UE.
Ir-Responsabbiltajiet Ewlenin
Il-Koordinatur tal-Komunikazzjoni se:
- Jiżviluppa u jimplimenta pjan ta’ komunikazzjoni komprensiv sabiex jiżgura viżibbiltà għall-proġett f’konformità mal-linji gwida ta’ komunikazzjoni u viżibbiltà tal-UE.
- Jikkollabora mal-Maniġer tal-Proġett u l-PPCS sabiex jallinja l-komunikazzjoni kollha mal-għanijiet tal-proġett u l-linji gwida tal-UE, sabiex jiżgura preċiżjoni u puntwalità.
- Jakkwista servizzi ta’ fotografija u vidjografija sabiex jiddokumenta attivitajiet u avvenimenti ewlenin tal-proġett, u jipproduċi kontenut viżwali ta’ kwalità għoli għad-disseminazzjoni u r-rappurtaġġ.
- Jikkoordina l-akkwist ta’ servizzi ta’ disinn u produzzjoni għal materjali promozzjonali, bħal strixxuni u kartelluni, sabiex jiżgura konformità mar-rekwiżiti ta’ komunikazzjoni u viżibbiltà tal-UE.
- Jissorvelja l-ħolqien ta’ kontenut u l-kurazzjoni tal-mezzi soċjali, il-website, l-ittriaħbar, u l-istqarrijiet tal-KMA, u jingaġġa fornituri ta’ servizzi relevanti skont il-bżonn.
- Jimmaniġġja l-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni tal-midja, inkluż stqarrijiet, koordinament ġurnalistiku, u faċilitazzjoni ta’ intervisiti sabiex tiġi promossa l-viżibbiltà tal-proġett.
- Jissorvelja u jirrapporta fuq attivitajiet ta’ komunikazzjoni, u jevalwa kemm dawn qed jilħqu u jsibu interazzjoni man-nies, filwaqt li jaġġusta l-istrateġija sabiex jissaħħaħ l-impatt tagħha.
- Imantni kalendarju ta’ kontenut sabiex tiġi skedata u segwita l-pubblikazzjoni f’waqtha ta’ aġġornamenti, avvenimenti, u kisbiet ewlenin tal-proġett.
- Jattendi avvenimenti ewlenin tal-proġett sabiex jikkoordina sforzi ta’ dokumentazzjoni (e.ż. fotografija, vidjografija) u jiżgura li kontenut relevanti huwa miġbur għad-disseminazzjoni.
- Iwettaq impenji relatati mal-komunikazzjoni skont il-gwida tal-Maniġer tal-Proġett jew ta’ rappreżentanti awtorizzati tal-KMA.
Kwalifikazzjonijiet u Esperjenza
Fil-pussess ta’:
- Grad ta’ Baċċellerat rikonoxxut ta’ Livell MQF 6 (soġġett għal minimu ta’ 180 krediti ta’ ECTS/ECVET, jew ekwivalenti) fil-Komunikazzjoni, Marketing, jew qasam relatat;
- Minimu ta’ sentejn esperjenza fil-komunikazzjoni, marketing, jew PR, preferibbilment fi ħdan proġetti ffinanzjati mill-UE jew fis-settur pubbliku.
Ħiliet u Kompetenzi:
- Ħiliet ta’ komunikazzjoni verbali u bil-miktub eċċellenti, sija bl-Ingliż u sija bil-Malti.
- Profiċjenza fil-ġestjoni ta’ marketing diġitali u midja soċjali.
- Profiċjenza fil-koordinazzjoni ta’ kull aspett ta’ komunikazzjoni tal-avvenimenti, li jkopru relazzjonijiet tal-midja, loġistika, materjali ta’ promozzjoni, u l-ħolqien ta’ kontenut.
- Abbiltà b’saħħitha biex tikkollabora effettivament ma’ timijiet interni, imsieħba tal-proġett, u fornituri tas-servizzi.
- Organizzat ferm u b’attenzjoni għad-dettall, kif ukoll b’ħiliet b’saħħithom ta’ ġestjoni tal-proġett u impenn biex ilaħħaq ma’ termini ta’ skadenza.
- Kapaċi jadatta u flessibbli, u kapaċi jikkoordina diversi inkarigi f’salt f’ambjent ta’ proġett dinamiku.
Fl-assenza ta’ evidenza dokumentarja ta’ krediti ta’ ECTS/ECVET jew ta’ sistema oħra li tkejjel il-kontenut tal-kors, il-bord ta’ selezzjoni se jevalwa l-programm ta’ studju sottomess u jiddetermina jekk dan ikunx komparabbli ma’ 60/180 kreditu tal-ECTS/ECVET. Il-parir tal-MQRIC jista’ jiġi mfittex f’din l-eventwalità.
Kwalifikazzjonijiet ogħla mil-livell speċifikat hawn fuq se jiġu aċċettati għal skopijiet ta’ eliġibbiltà, provdut li dawn jilħqu kwalunkwe rekwiżiti speċifiċi soġġetti.
Barra minn hekk, kandidati li għadhom m’akkwistawx formalment kwalunkwe minn dawn il-kwalifikazzjonijiet imsemmija hawn fuq se jkunu kkunsidrati, provdut li jissottomettu evidenza li huma ġew approvati għall-għotja ta’ dawn il-kwalifikazzjonijiet in kwistjoni, jew li lestew b’suċċess il-krediti ta’ ECTS/ECVETS neċessarji, jew ekwivalenti, meħuda bħala parti minn programm ta’ studju ta’ livell MQF ogħla, skont kif rekwiżit fil-kriterji t’eliġibbiltà msemmija qabel, sal-ħin u d-data tal-għeluq tas-sejħa għal applikazzjonijiet.
Kuntratt
Il-kandidat/a magħżul/a se jingħata Kuntratt ta’ Servizz ta’ tliet (3) snin, fuq bażi part-time (10 sigħat fil-ġimgħa) minn Ġunju 2025 sa Diċembru 2028.
Dan se jkun irid iwieġeb lis-COO (Fondi u Strateġija), u jopera b’sigħat flesibbli sabiex jilħaq il-bżonnijiet u r-rekwiżiti tal-pożizzjoni. Il-kandidat magħżul se jkun mitlub jaħdem fi ħdan ir-regoli u r-regolamenti tas-Servizz Pubbliku ta’ Malta.
Ir-remunerazzjoni hjia dik ta’ €7,070 (eskluż il-VAT iżda inkluż kwalunkwe taxxi u miżati oħra) fis-sena.
Il-pagamenti se jkunu pproċessati kull xahar mill-Kunsill Malti għall-Arti wara li dan jirċievi fattura b’numru tal-VAT validu.
L-Applikazzjonijiet
L-applikanti, sal-ħin u d-data ta’ skadenza ta’ din is-sejħa għandhom ikunu:
(a) ċittadini ta’ Malta; jew
(b) ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea li għandhom jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni tal-UE u dispożizzjonijiet ta’ trattati dwar iċ-ċaqliq ħieles tal-ħaddiema; jew
(ċ) ċittadini ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor li għandhom jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg minħabba li jkunu japplikaw għal dak il-pajjiż b’leġiżlazzjoni tal-UE u dispożizzjonijiet ta’ trattati dwar iċ-ċaqliq ħieles tal-ħaddiema; jew
(d) kwalunkwe persuna oħra li għandha jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg permezz tar-relazzjoni familjari tagħha ma’ persuni msemmija fil-paragrafi (a), (b) jew (ċ), skont kif hemm fil-liġi jew fil-leġiżlazzjoni tal-UE u d-dispożizzjonijiet ta’ trattati msemmija hawn fuq; jew
(e ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ngħataw status ta’ resident għal żmien twil f’Malta taħt ir-regolament 4 tar-Regolamenti dwar “Status ta’ Residenti għal Żmien Twil (Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi) tal-2006”, jew li jkunu ngħataw permess ta’ residenza taħt ir-regolament 18(3) tal-istess regolamenti, flimkien mal-membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ngħataw permess ta’ residenza taħt ir-Regolamenti dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familji, 2007”.
(f) persuni li għandhom dokument ta’ residenza maħruġ skont it-termini tal-Istatus tar-Residenza taċ-Ċittadini tar-Renju Unit u l-Membri tal-Familja Tagħhom f’Malta skont il-Ftehim tal-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika.
Il-pariri tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u l-Affarijiet tal-Espatrijati fi ħdan l-Aġenzija Identità għandhom jintalbu skont il-ħtieġa fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.
Il-ħatra ta’ kandidati li jaqgħu taħt punti (b), (ċ), (d), (e) u (f) imsemmija hawn fuq teħtieġ il-ħruġ ta’ liċenzja ta’ impjieg fil-każi li din tkun meħtieġa mill-Att dwar l-Immigrazzjoni u l-leġiżlazzjoni sussidjarja. F’dak il-każ, l-entità Jobsplus għandha tiġi kkonsultata skont il-ħtieġa dwar din il-materja.
Applikanti interessati għandhom jibagħtu ittra ta’ motivazzjoni flimkien ma’ CV u kopji ċċertifikati vera taċ-ċertifikati tagħhom fuq (vacancies@artscouncil.mt).
Applikanti li għandhom kwalifikazzjonijiet barranin huma meħtieġa li jipproduċu dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent mill-Malta Qualifications Recognition Information Centre (MQRIC) fi ħdan in-National Commission for Further and Higher Education (NCFHE), li trid tiġi miksuba billi wieħed jissottometti applikazzjoni online għar-rikonoxximent tal-kwalifikazzjonijiet fuq https://services.ncfhe.gov.mt/CertificationApplication.aspx. Tali dikjarazzjoni għandha tkun mehmuża mal-applikazzjoni u l-oriġinali għandha tiġi ppreżentata fl-intervista.
Id-data tal-għeluq għall-applikazzjoni hija 9ta’ Ġunju 2025, f’nofsinhar.
L-applikanti eliġibbli jissejħu għal intervista.