Id-Dmirijiet u r-Responsabbiltajiet
Il-Kunsill Malti għall-Arti qed ifittex li jingaġġa s-servizz ta’ tliet individwi bħala Amministraturi tal-Appoġġ biex jaħdmu mill-qrib mat-Tim tal-Finanzjament tal-Kunsill Malti għall-Arti. Dawn se jassistu lid-Direttur u l-Kap tal-Finanzjament fl-amministrazzjoni tal-portafoll ta’ finanzjament tal-Kunsill.
Ir-Responsabbiltajiet Ġenerali
Id-dmirijiet marbuta ma’ dan l-irwol jinkludu fost oħrajn dawn li ġejjin:
- Għajnuna lit-tim ta’ Finanzjament permezz ta’ kompiti amministrattivi, fosthom permezz ta’ rikonoxximent tal-emails irċevuti;
- Skennjar, issejvjar u ffajljar tad-dokumenti fid-Drive;
- Aġġornament regolari tal-fajls u d-Drive bid-dokumentazzjoni neċessarja kollha;
- Żamma tal-fajls u d-Drive b’mod organizzat u b’mod li jkunu disponibbli meta jintalbu;
- Għajnuna lill-Kap tal-Finanzjament fil-proċess ta’ notifikazzjoni tar-riżultati, kif ukoll fit-tħejjija ta’ ittri ta’ notifikazzjoni, il-formoli ta’ rispons, u t-talbiet għall-akkwisti pubbliċi;
- Aġġornament regolari tal-iskeda ta’ moniteraġġ u tas-sistema bl-aġġornamenti neċessarji;
- Eżaminazzjoni tar-rapporti finali u żgurar ta’ konformità mal-linji gwida u r-regolamenti;
- Promozzjoni tal-entità u żgurar li jinżammu relazzjonijiet tajba mal-imsieħba u l-kollaboraturi kollha;
- Żgurar li t-telefonati u l-emails jitwieġbu fil-ħin u jiġu lloggjati kif xieraq;
- Żgurar li l-klijenti, il-fornituri, u l-partijiet ikkonċernati li jikkuntattjaw lill-Kunsill Malti għall-Arti dwar kwistjonijiet marbuta ma’ finanzjament jiġu moqdija professjonalment u b’mod effettiv;
- Kollaborazzjoni ma’ dipartimenti oħra kif meħtieġ;
- Żgurar tal-kunfidenzjalità, l-aċċessibbiltà, u s-sigurtà tad-dokumentazzjoni kollha;
- Għajnuna, kumpilazzjoni, reviżjoni u verifikazzjoni ta’ entrati f’linja u rappurtaġġ ieħor;
- Qadi ta’ dmirijiet oħra kif meħtieġ mid-Direttur ta’ Finanzjament u l-Maniġment Anzjan;
- Qadi ta’ dmirijiet oħra li jiġu assenjati minn żmien għal żmien.
Din id-deskrizzjoni tal-impjieg mhix neċessarjament lista eżawrjenti ta’ dmirijiet imma hija intenzjonata biex tirrifletti l-firxa ta’ dmirijiet li l-Amministraturi tal-Appoġġ mistennija jaqdu. Din tista’ tiġi wkoll riveduta minn żmien għal żmien kif ukoll tinbidel.
Il-Kwalifiki u l-Esperjenza Meħtieġa
- Ċertifikat ta’ tmiem l-iskola obbligatorja
- Livell Ordinarju fl-Ingliż
- Livell Ordinarju fil-Malti
- Livell Ordinarju fil-Matematika
- Ħakma tajba tal-Malti u l-Ingliż
- Għarfien ġenerali tal-proċeduri tal-uffiċċju
- Ħiliet organizzattivi u amministrattivi qawwija kif ukoll attenzjoni għal punti rqaq
- Ħiliet interpersonali u ta’ servizz għall-klijenti
- Ħila ta’ ħidma taħt pressjoni u qadi ta’ dmirijiet simultanjament, u approċċ ta’ ħidma fi ħdan tim għal soluzzjoni ta’ problemi meta jkun xieraq
- Rieda ta’ tagħlim u twessigħ tal-għarfien tagħhom
- Ħila ta’ ħidma awtonoma bi ftit superviżjoni jew xejn
Il-Kuntratt
Il-kandidati magħżula jingħataw Kuntratt għal Servizz ta’ tliet (3) snin full-time, bil-possibbiltà li dan jiġi mġedded għal sena (1) oħra, skont il-prestazzjoni tagħhom.
Il-kandidati magħżula jwieġbu lill-Kap Eżekuttiv u d-Direttur tal-Finanzjament tal-Kunsill Malti għall-Arti, u biex jilħqu d-domandi u t-talbiet tal-pożizzjoni jridu jaħdmu sigħat flessibbli. Se jkunu wkoll mitluba jaħdmu skont ir-regoli u regolamenti tas-Servizz Pubbliku ta’ Malta.
Ir-rimunerazzjoni marbuta ma’ din il-pożizzjoni hija ta’ €25,000 (VAT eskluża imma tinkludi kwalunkwe taxxa jew spiża oħra) kull sena għal 40 siegħa fil-ġimgħa.
Il-pagament jiġi pproċessat kull xahar mill-Kunsill Malti għall-Arti mal-wasla ta’ fattura b’numru validu tal-VAT.
L-Applikazzjonijiet
L-applikanti interessati huma mitluba jibagħtu ittra ta’ motivazzjoni flimkien ma’ CV u kopji taċ-ċertifikati tagħhom f’email indirizzata lil vacancies.acm@artscouncil.mt.
Id-data ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet hija l-Ħamis, 2 ta’ Ottubru 2025, f’nofsinhar.
L-applikanti eliġibbli jissejħu għal intervista u se jintalbu jippreżentaw kampjun ta’ kitba tagħhom.