Sejħa għal Applikazzjonijiet għall-Kariga ta’ Direttur tal-Istrateġija għall-Kunsill Malti għall-Arti fi ħdan il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u Gvern Lokali

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 15 September 2025

In-Numru ta’ Permess tal-Jobsplus: 904/2025

L-GĦAN ĠENERALI TAL-KARIGA

Id-Direttur tal-Istrateġija huwa responsabbli direttament mit-tfassil u t-twettiq tal-istrateġiji tas-setturi kulturali u kreattivi kif ukoll tal-partijiet ikkonċernati. Id-Direttur tal-Istrateġija jiżgura l-ippjanar, it-twettiq, il-ġestjoni, u s-sorveljanza tal-għanijiet u l-objettivi strateġiċi tal-Kunsill Malti għall-Arti (KMA).

Id-Direttur tal-Istrateġija se jmexxi direttament il-persunal tat-Tim tal-Istrateġija, waqt li wkoll jaħdem f’kollaborazzjoni u fi sħab mal-Bord tad-Diretturi, il-Kap Eżekuttiv, l-Uffiċjal Kap Operattiv, id-Direttur tal-Finanzjament, u l-Maniġment Anzjan tal-Kunsill Malti għall-Arti.

Id-Direttur tal-Istrateġija jirrapporta lill-Uffiċjal Kap Operattiv u l-Kap Eżekuttiv.

IR-RESPONSABBILTAJIET EWLENIN

Strateġija

  • Għajnuna lill-Uffiċjal Kap Operattiv u l-Kap Eżekuttiv permezz ta’ direzzjoni strateġika għat-tħejjija tal-Pjan Strateġiku u l-Baġit tal-entità;
  • Tmexxija strateġika u għajnuna lit-Tim tal-Istrateġija li jirriflettu l-missjoni u l-valuri ewlenin tal-KMA waqt li jinżamm l-ogħla livell ta’ integrità personali u professjonali;
  • Direzzjoni fl-ogħla livell tal-politika bi tħejjija għall-pjanijiet strateġiċi tal-KMA;
  • Provvediment tal-viżjoni olistika meħtieġa li tiżgura sħuħija u sensittività fl-iżvilupp tal-istrateġija tal-KMA;
  • Identifikazzjoni u impatt fuq l-indikaturi tal-prestazzjoni skont il-missjoni u l-objettivi strateġiċi tal-KMA;
  • Żvilupp u rrinforzar tal-qafas strateġiku tal-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi permezz ta’ fost oħrajn kalendarju koeżiv ta’ avvenimenti, żvilupp tal-udjenza, sistema ta’ biljetti, u promozzjoni tal-ħolqien ta’ inizjattivi ġodda;
  • Twaqqif ta’ qafas ta’ politika għad-diversi programmi żviluppati mmexxija u/jew appoġġjati mill-entità, u aċċertazzjoni li jiġu żviluppati u mwettqa inizjattivi biex jiġu megħjuna klijenti ġodda f’konformità mal-viżjoni politika ġenerali;
  • Sorveljanza tar-riċerka u l-evalwazzjoni meħtieġa biex dawn jinfurmaw l-iżvilupp tal-istrateġija u l-azzjonijiet marbuta mal-istrateġija;
  • Sorveljanza u valutazzjoni tal-politika kulturali u l-istrateġiji marbutin magħha;
  • Tmexxija u stimulazzjoni ta’ tim b’funzjonijiet diversi u l-gruppi ta’ ħidma relatati, bil-għan ta’ żvilupp u tfassil ta’ oqfsa strateġiċi mtejba u innovattivi għas-setturi kulturali u kreattivi;
  • Żvilupp u tfassil ta’ roadmap tal-azzjonijiet meħtieġa għat-twettiq tal-objettivi strateġiċi.

Teknika

  • Kunsiderazzjoni u pariri lill-Uffiċjal Kap Operattiv, il-Kap Eżekuttiv u l-Bord tad-Diretturi dwar l-implikazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu b’rabta ma’ politiki ġodda jew bidliet fil-politiki eżistenti;
  • Pariri dwar il-kwistjonijiet ewlenin tal-ħidma;
  • Żgurar tal-iżvilupp ta’ informazzjoni għall-pubbliku u n-negozji biex permezz tagħha jingħataw pariri lil persuni u intrapriżi dwar is-servizzi mogħtija mill-KMA, għal xiex huma intitolati kif ukoll x’inhuma r-responsabbiltajiet tagħhom;
  • Evalwazzjoni tal-ħiliet u l-prestazzjoni tat-timijiet rispettivi, permezz ta’ diskussjoni u valutazzjoni tal-prestazzjoni, b’rakkomandazzjonijiet fuq oqsma li jistgħu jitjiebu;
  • Tfittxija ta’ pariri legali biex tiġi żgurata l-interpretazzjoni tal-liġi jew liġijiet u r-regolamenti amministrati mill-KMA, kif ukoll li l-prijoritatjiet tal-Bord tad-Diretturi huma mifhuma b’mod ċar;
  • Ħolqien ta’ rapporti għall-Bord, identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet, problemi, bżonnijiet mhux milħuqa u lakuni fis-servizzi;
  • Abbozzar ta’ korrispondenza, proposti ta’ riċerka, rapporti, diskorsi, dokumenti ta’ diskussjoni u kitbiet dwar pożizzjoni;
  • Tħejjija ta’ sottimissjonijiet u rapporti għall-Bord jew tgħarrif u preżentazzjoni lill-Uffiċjal Kap Operattiv, il-Kap Eżekuttiv u l-membri tal-Bord.

Konsultazzjoni

  • Konsultazzjoni mal-maniġment anzjan u membri oħrajn tal-persunal biex jiġu rrisolvuti l-problemi u jingħelbu l-isfidi;
  • Rappreżentazzjoni tal-entità u fejn hu xieraq, jiġi eżerċitat irwol strateġiku dwar l-iżvilupp tal-politika u t-timijiet tal-ippjanar;
  • Kordinazzjoni fuq livell interministerjali u bejn l-aġenziji fuq kwistjonijiet marbutin mas-setturi kulturali u kreattivi.

Titjib Personali

  • Għarfien u aġġornament dwar il-kultura emerġenti, l-industriji kreattivi u l-politiki u l-kwistjonijiet marbutin mal-proprjetà industrijali;
  • Taħriġ regolari.

Superviżjoni Mogħtija

  • Direzzjoni ta’ politika mill-Uffiċjal Kap Operattiv, il-Kap Eżekuttiv u l-membri tal-Bord fl- assenjamenti ta’ importanza strateġika jew kwistjonijiet li huma kontenzjużi jew sensittivi.

Kompetenzi Essenzjali u Kundizzjonijiet tax-Xogħol Anormali

  • Attitudni kreattiva, ta’ tkabbir u risponsiva għall-kultura;
  • Ħila ta’ pariri, għajnuna u influwenza fuq firxa wiesgħa ta’ persuni fl-istrateġija u funzjonijiet kulturali;
  • Ħiliet analitiċi b’saħħithom kif ukoll ta’ komunikazzjoni;
  • Konċentrazzjoni fuq il-kompiti, b’enerġija u motivazzjoni;
  • Ħila ta’ prijoritizzazzjoni u ħidma taħt pressjoni;
  • Użu u tħaddim ta’ ġudizzju indipendenti u esperjenza;
  • Livell eċċellenti ta’ ħiliet interpersonali, u komunikazzjoni bil-kitba u verbali;
  • Ħiliet organizzattivi b’attenzjoni għad-dettall;
  • Ħila u rieda għall-ivvjaġġar;
  • Ħidma skont il-bżonn biex jintlaħqu l-iskadenzi.

Oħrajn

  • Rappreżentazzjoni tal-KMA, kif ukoll fejn xieraq, tħaddim ta’ rwol strateġiku fuq l-iżvilupp tal-politika jew it-timijiet tal-ippjanar kif assenjat mill-Kap Eżekuttiv;
  • Rappreżentazzjoni tal-KMA f’diskorsi, laqgħat esterni, konferenzi, avvenimenti, u attivitajiet oħrajn ta’ komunikazzjoni kif assenjat mill-Kap Eżekuttiv;
  • Qadi ta’ dmirijiet oħrajn kif assenjat mill-Kap Eżekuttivi.

Rekwiżiti għal Eliġibbiltà

L-applikanti, sal-ħin u d-data ta’ skadenza ta’ din is-sejħa, għandhom ikunu:

  • ċittadini ta’ Malta; jew
  • ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea li għandhom jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni tal-UE u dispożizzjonijiet ta’ trattati dwar iċ-ċaqliq ħieles tal-ħaddiema; jew

(ċ)   ċittadini ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor li għandhom jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg minħabba li jkunu japplikaw għal dak il-pajjiż b’leġiżlazzjoni tal-UE u dispożizzjonijiet ta’ trattati dwar iċ-ċaqliq ħieles tal-ħaddiema; jew

  • kwalunkwe persuna oħra li għandha jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg permezz tar-relazzjoni familjari tagħha ma’ persuni msemmija fil-paragrafi (a), (b) jew (ċ), skont kif hemm fil-liġi jew fil-leġiżlazzjoni tal-UE u d-dispożizzjonijiet ta’ trattati msemmija hawn fuq; jew
  • ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ngħataw status ta’ resident għal żmien twil f’Malta taħt ir-regolament 4 tar-Regolamenti dwar “Status ta’ Residenti għal Żmien Twil (Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi) tal-2006”, jew li jkunu ngħataw permess ta’ residenza taħt ir-regolament 18(3) tal-istess regolamenti, flimkien mal-membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ngħataw permess ta’ residenza taħt ir-“Regolamenti dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familji, 2007”; jew
  • persuni li għandhom dokument ta’ residenza maħruġ skont it-termini tal-Istatus tar-Residenza taċ-Ċittadini tar-Renju Unit u l-Membri tal-Familja Tagħhom f’Malta skont il-Ftehim tal-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika.

Il-pariri tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u l-Affarijiet tal-Espatrijati fi ħdan l-Aġenzija Identità għandhom jintalbu skont il-ħtieġa fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

Il-ħatra ta’ kandidati li jaqgħu taħt punti (b), (ċ), (d) u (e) imsemmija hawn fuq teħtieġ il-ħruġ ta’ liċenzja ta’ impjieg fil-każi li din tkun meħtieġa mill-Att dwar l-Immigrazzjoni u l-leġiżlazzjoni sussidjarja. F’dak il-każ, l-entità Jobsplus għandha tiġi kkonsultata skont il-ħtieġa dwar din il-materja.

U

Kapaċi jikkomunikaw bil-Malti u bl-Ingliż biex jaqdu d-dmirijiet imsemmija hawn fuq b’mod sodisfaċenti u adegwat.

U

Sad-data ta’ skadenza għat-tressiq tal-applikazzjoni, l-applikanti jridu jkunu kisbu:

  • Maġisteru rikonoxxut fil-livell 7 tal-MQF (suġġett għal minimu ta’ 90 krettu ECTS/ECVET, jew ekwivalenti, fil-każ ta’ programmi li bdew minn Ottubru tal-2008 ’il hawn) jew kwalifika ogħla fil-Politika u l-Ġestjoni Kulturali jew f’oqsma relevanti, kif ukoll esperjenza ta’ ħames (5) snin f’xogħol marbut ma’ dan il-qasam.

Jew

  • Baċellerat rikonoxxut fil-Livell 6 tal-MQF (suġġett għal minimu ta’ 180 krettu ECTS/ECVET, jew ekwivalenti, fil-każ ta’ programmi li bdew minn Ottubru tal-2003 ’il hawn) jew kwalifika ogħla fil-Politika u l-Ġestjoni Kulturali jew f’oqsma relevanti, kif ukoll esperjenza ta’ għaxar (10) snin f’xogħol marbut ma’ dan il-qasam.

JENĦTIEĠ UKOLL

  • Tmexxija b’saħħitha u fehim tal-bżonnijiet għal proċessi ta’ maniġment konsistenti;
  • Ħiliet b’saħħithom ta’ komunikazzjoni u negozjar;
  • Ħiliet eċċellenti ta’ organizzazzjoni u tqassim tal-ħin;
  • Ħila ta’ tħaddim u sorveljanza tal-użu effettiv tar-riżorsi tal-entità.

Informazzjoni dwar il-Kuntratt u s-Salarju

Il-persuna magħżula tidħol f’kuntratt ta’ impjieg ta’ tliet (3) snin full-time, bil-possibbiltà li dan jiġi mġedded għal perjodu ta’ tliet (3) snin oħra, skont il-prestazzjoni tagħha. Is-salarju bażiku fl-2025 huwa ta’ €40,833 (skont Grad 3 tal-Klassifikazzjoni tal-KMA u l-istruttura tas-salarji). Ma’ dan jiżdiedu Bonus ta’ Prestazzjoni li jitla’ sa 15% kull sena, Benefiċċju għall-Komunikazzjoni li jinkludi kollox ta’ €1,800 kull sena, Benefiċċju għat-Trasport li jinkludi kollox ta’ €2,000 kull sena, u Benefiċċju għall-Ispejjeż ta’ €2,000 kull sena.

L-Applikazzjonijiet

L-applikanti interessati jeħtieġu jibagħtu ittra ta’ motivazzjoni flimken ma’ CV u kopji attestati taċ-ċertifikati tagħhom f’email indirizzata lil vacancies@artscouncil.mt.

Applikanti li għandhom kwalifiki barranin jeħtieġu jipprovdu stqarrija ta’ rikonoxximent miċ-Ċentru Malti għal Rikonoxximent ta’ Kwalifiki u ta’ Informazzjoni (MQRIC) li jinsab fi ħdan il-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE). Din tista’ tinkiseb billi tressaq applikazzjoni online għar-rikonoxximent tal-kwalifiki fuq https://services.ncfhe.gov.mt/CertificationApplication.aspx. Din l-istqarrija għandha tinhemeż mal-applikazzjoni waqt li l-kopja oriġinali għandha tiġi ppreżentata waqt l-intervista.

Id-data ta’skadenza għall-applikazzjonijiet hija s-26 ta’ Settembru 2025 f’nofsinhar.

L-applikanti eliġibbli jissejħu għal intervista.

Skip to content