Fis-snin li ġejjin biħsiebna ninvestu b’mod strateġiku f’ħidma li tappoġġa l-għanijiet u l-prinċipji gwida tagħna f’konformità mad-drittijiet kulturali u mal-iżvilupp sostenibbli ġenerali. Fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment tagħna ser inqisu l-istatus u l-kundizzjonijiet professjonali, soċjali u ekonomiċi tal-artisti, il-kreattivi u l-prattikanti kulturali. Mill-finanzjamenti ta’ proġetti b’riżq xogħol artistiku esperimentali għall-kapital ta’ avvjament għan-negozji kreattivi ġodda, irridu nistrutturaw investiment illi jaqbel mal-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur tal-espressjonijiet u tal-produzzjonijiet artistiċi. Nafu wkoll li l-investiment fl-arti u fil-kultura kapaċi jġib miegħu benefiċċji soċjali usa’, kontribut għat-tkabbir ekonomiku u komunitajiet
sostenibbli. Qegħdin nippjanaw li ninvestu aktar fil-mentoraġġ, fil-bini tal-kapaċità, fl-iżvilupp professjonali, fit-taħriġ u fil-kondiviżjoni tal-għarfien tal-organizzazzjonijiet u tal-individwi daqsinsew biex intejbu l-kwalità u l-potenzjal tax-xogħol u tal-operazzjonijiet artistiċi tagħhom. Irridu nippromwovu l-arti u l-kultura mis-setturi volontarji, privati u pubbliċi mhux biss b’investimenti diretti iżda wkoll bl-isforzi tagħna lejn żvilupp, billi nibnu konnessjonijiet bejn il-parteċipazzjoni kulturali ta’ kuljum fil-komunitajiet, fl-organizzazzjonijiet illi nappoġġaw u fis-setturi oħra ewlenin f’Malta.
Ser nallokaw ukoll investiment li jibni sħubiji u kollaborazzjonijiet ġodda u jkabbar l-għarfien, il-ħiliet u n-networks tagħna biex nappoġġaw u nippromwovu l-kundizzjonijiet li fihom is-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta jkunu jistgħu jgħaddu ’l quddiem. Biħsiebna naħdmu mill-qrib ma’ dawk li nappoġġaw permezz ta’ rekwiżiti kostruttivi ta’ monitoraġġ u rappurtar u nipprovdu l-appoġġ meħtieġ filwaqt li nħeġġu l-prattika tajba matul il-proċess kollu. Ser inkomplu nidentifikaw l-isfidi strutturali u l-opportunitajiet li qegħdin jaffaċċjaw is-setturi u nittrattawhom billi nwasslu konverżazzjonijiet illi jlaqqgħu persuni minn setturi differenti.
Biħsiebna wkoll nitkellmu favur il-valur tal-arti u tal-kultura ma’ entitajiet pubbliċi u partijiet interessati oħrajn biex nappoġġaw is-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u t-tkabbir tal-ekoloġija kulturali u kreattiva u nieħdu r-riedni biex inqiegħdu l-ġejjieni ta’ Malta fiċċentru. Tabilħaqq, qegħdin nippjanaw li nikkollaboraw mal-PCOs biex nipprovdu struttura ta’ appoġġ b’kejl relattiv ta’ produzzjoni u eżiti ħalli ntejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u nsostnu l-Istatus tal-Artisti. Se nimpenjaw irwieħna fi djalogu strutturat mal-PCOs sabiex niżguraw li l-investiment tagħhom iqis ir-realtajiet ekonomiċi u soċjali multipli tas-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta
u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-PCOs permezz tal-appoġġ lill-oqsma indipendenti. Dan ser jesiġi ħsieb mill-ġdid, tagħlim u diskussjonijiet kontinwi rigward il-programmi ta’ finanzjament u d-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħna permezz ta’ riċerka u bini ta’ għarfien biex inkomplu nsaħħu l-każ tagħna favur l-investiment pubbliku fl-arti u fil-kultura.
Ser nibqgħu naddottaw il-prinċipji tal-kompetizzjoni miftuħa, tal-akkontabbiltà u tat-trasparenza fid-deċiżjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment ġenerali tagħna. Ninsabu impenjati li nipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-programmi ta’ finanzjament differenti permezz tal-kanali diġitali u s-servizzi ta’ intermedjazzjoni? tagħna b’mod ġenerali. Il-linji gwida u l-formoli tal-applikazzjoni kollha ser jiġu riveduti u ppubblikati fuq l-internet b’mod regolari filwaqt li ser naċċertaw l-aktar aċċessibbiltà wiesgħa possibbli. Permezz tas-sistema ta’ Servizz tal-Ġestjoni tarRelazzjonijiet mal-Klijenti (CRM) tagħna li għadha kif ġiet imġedda u li għadha tevolvi b’mod kontinwu, il-proċeduri tal-applikazzjonijiet ser jinkludu passi ċari u ser jiddeskrivu l-aspettattivi tagħna għal kull parti tal-applikazzjoni, bilpubblikazzjoni minn qabel tal-iskadenzi kollha tal-programmi monetarji differenti bħala parti mill-kalendarju annwali.
Il-KMA jiżgura li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet jitwettaq bl-aktar modi effettivi u metikolużi. Għalhekk ser inkomplu ningaġġaw evalwaturi indipendenti differenti biex jevalwaw l-applikazzjonijiet għall-finanzjament. Fl-istess waqt biħsiebna nesploraw ukoll approċċi li jħaffu l-burokrazija b’investimenti fid-diġitalizzazzjoni u bil-proċeduri ta’ simplifikazzjoni li ser nimplimentaw fil-programmi ta’ finanzjament tagħna.
Aħna ninvestu fl-artisti, fil-professjonisti u fil-prattikanti kreattivi sabiex niżviluppaw u nwasslu l-eċċellenza artistika u nikkontribwixxu għall-għanijiet strateġiċi tagħna li jappoġġaw it-tkabbir, id-diversità u t-taħriġ fis-setturi kulturali u kreattivi. Biħsiebna nħaddmu b’modi effettivi l-benefiċċji tal-investiment pubbliku biex immexxu t-tkabbir u l-iżvilupp. Dan qabelxejn jista’ diġà jitwettaq fil-mudell tradizzjonali ta’ finanzjament illi jinkludi għotjiet plurijennali u finanzjamenti strateġiċi u fondi għall-iżvilupp. Bis-sħubiji u l-impenn tagħna mal-partijiet interessati ser nibdew konverżazzjonijiet dwar sorsi alternattivi ta’ finanzjament bħall-finanzjament simetriku, il-finanzjament kollettiv, self aġevolanti, trusts u mudelli oħra li jiffavorixxu approċċi parteċipattivi.
L-għotjiet plurijennali jikkonsistu fi ftehimiet tul għadd ta’ snin ma’ professjonisti kreattivi li jittrattaw il-prijoritajiet deskritti f’din l-Istrateġija b’viżjoni li tħares fil-bogħod. Il-programmi ta’ finanzjament strateġiku huma l-għodda ewlenija li nużaw biex nimplimentaw l-għanijiet stabbiliti f’din l-Istrateġija. Il-programmi ta’ finanzjament għall-iżvilupp joħolqulna l-ambjent u l-opportunitajiet meħtieġa biex ninvestu fl-iżvilupp ta’ xogħol kreattiv ta’ kwalità li jwessa’ l-possibbiltajiet tal-artisti u tas-settur ħalli jipproduċu aktar esperjenzi kreattivi. Dawn il-programmi essenzjalment ser jiffukaw fuq dak li hu tassew importanti għall-artisti – fondi li jappoġġawhom fit-teħid tar-riskji kreattivi li jieħdu biex jiżviluppaw xogħol ġdid permezz tar-riċerka, tal-esperimentazzjoni u tal-kollaborazzjoni.
Biħsiebna naċċertaw li d-deċiżjonijiet ta’ investiment pubbliku tagħna jkunu ekwi, jirriflettu l-prinċipji tad-drittijiet kulturali u jħaddnu d-diversità tal-espressjonijiet artistiċi u kulturali.