Il-viżjoni tagħna taħseb għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali aktar b’saħħithom illi jippermettu l-iżvilupp fit-tul tas-setturi permezz ta’ opportunitajiet internazzjonali ġodda għall-kollaborazzjonijiet u għall-iskambji — sħubiji bbażati fuq il-fehim reċiproku, il-fiduċja u d-djalogu interkulturali fejn l-arti u l-kreattività jittraxxendu l-fruntieri. Il-viżjoni tagħna tipprevedi wkoll li fis-snin li ġejjin il-prattikanti kulturali u kreattivi ta’ Malta jsiru aktar impenjati fi skambji u produzzjonijiet internazzjonali konġunti.
Fid-dawl tal-evoluzzjoni kontinwa tas-setturi kulturali u kreattivi nifhmu wkoll illi jenħtieġ li l-professjonisti kreattivi jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa biex jimpenjaw ruħhom fil-livell internazzjonali. Dan jinkludi l-ilħiq ta’ udjenzi ġodda u diversi mad-dinja kollha u s-sostenn tat-tkabbir tal-intraprendituri kulturali u kreattivi. Barra minn hekk f’din l-ekwazzjoni hemm ukoll effetti li jibbenefikaw minnhom setturi oħra, inklużi l-branding tan-nazzjon, l-iżvilupp, it-turiżmu u l-kummerċ.
Bħala entità responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Politika Kulturali Nazzjonali 2021 biħsiebna nirrakkomandaw approċċ aktar miftuħ fir-relazzjonijiet kulturali. Dan ser jinkludi djalogu miftuħ ma’ diversi partijiet interessati li jinvolvi u jimmobilizza liċ-ċittadini, lill-artisti, lis-soċjetà ċivili u lill-istituzzjonijiet kulturali. L-istrateġija tagħna ser tkun diretta lejn il-bini tal-fiduċja u t-trawwim ta’ relazzjonijiet lil hinn mill-fruntieri nazzjonali kif ukoll lejn l-appoġġ u l-iffaċilitar tal-esperimentazzjoni kreattiva transkonfinali u proġetti kulturali internazzjonali ġodda. Ir-rwoli eżistenti u ġejjiena tagħna bħala entità nazzjonali fi ħdan in-networks internazzjonali għandhom jikkontribwixxu wkoll għal djalogi globali li jsawru t-trajettorji tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali.
Biħsiebna nħaddnu l-prinċipji gwida tal-Aġenda tal-UE fir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali kif stabbilit fil-Komunikazzjoni Konġunta ‘Lejn Strateġija tal-UE għal Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali’. Din ittenni l-impenn tal-UE lejn il-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali u għandha l-għan li tħeġġeġ il-kooperazzjoni kulturali bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tagħha billi tippromwovi “ordni globali msejjes fuq il-paċi, l-istat tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni, il-fehim reċiproku u r-rispett għad[1]drittijiet fundamentali.”11 12
11 European Commission, 2016. Joint Communication to the European Parliament and the Council: Towards an EU strategy for international cultural relations.
12 International Cultural Relations are also one of the five priorities of the EU Work Plan for Culture 2019-2022.