Il-Premju għall-Arti

Il-Premju għall-Arti huwa ċelebrazzjoni nazzjonali organizzat mill-Kunsill Malti għall-Arti fejn jippremja l-eċċellenza, l-innovazzjoni u l-kisbiet fis-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta. L-edizzjoni Premju għall-Arti 2026 se ssir fit-Teatru Manoel u se tirrikonoxxi x-xogħlijiet, proġetti, produzzjonijiet, inizjattivi u kisbiet artistiċi eċċellenti li saru tul il-perjodu eliġibbli. L-iskop tal-fażi tan-nominazzjoni hu li jidentifika xogħlijiet artistiċi u kreattivi li ħaqqhom ikunu magħrufin u li ħaqqhom jitqiesu għall-Premju għall-Arti 2026.

Biex nominazzjoni titqies eliġibbli, trid tirrelata għal xogħlijiet, proġetti, produzzjonijiet, inizjattivi, programmi, esebizzjonijiet, prestazzjonijiet, pubblikazzjonijiet, skrinjar, rilaxxi jew attivitajiet artistiċi oħrajn li ġew ippreżentati, esebiti, ippubblikati, murija għall-ewwel darba, mnedija, maħduma, skrinjati, rilaxxati, jew li saru disponibbli għall-pubbliku b’mod ieħor bejn:

L-1 ta’ Settembru 2025 u l-31 ta’ Awwissu 2026
Xogħlijiet li ġew ippreżentati barra minn dan il-perjodu mhux se jitqiesu eliġibbli.

Jistgħu jiġu sottomessi nominazzjonijiet għal:

● Artisti individwali, prattikanti kreattivi u/jew produtturi ta’ films lokali
● Organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi
● Kollettivi u gruppi
● NGOs kulturali
● Kumpaniji u intrapriżi li joperaw fis-setturi kulturali u kreattivi
● Entitajiet u organizzazzjonijiet pubbliċi
● Produzzjonijiet, proġetti, programmi, avvenimenti, esebizzjonijiet, pubblikazzjonijiet, prestazzjonijiet, films, inizjattivi artistiċi, u xogħlijiet kreattivi oħrajn

Il-persuni nominati għandhom ikunu individwi, organizzazzjonijiet, gruppi, kollettivi, kumpaniji jew entitajiet Maltin jew ibbażati f’Malta. Fil-każ ta’ gruppi jew kollettivi, dawn għandhom ikunu primarjament ibbażati f’Malta u joperaw minn Malta. Kemm xogħlijiet oriġinali kif ukoll dawk adattati jistgħu jiġu nominati.

In-nominazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi minn:

● Membri tal-pubbliku
● Artisti u prattikanti kreattivi
● Produtturi u promoters
● Organizzazzjonijiet kulturali
● Entitajiet pubbliċi
● Entitajiet privati

In-nominazzjonijiet li jsiru minn persuni għalihom infushom huma aċċettati u inkoraġġuti.

Għall-edizzjoni 2026, se jinġabru nominazzjonijiet mingħajr kategoriji tal-premji ddefiniti minn qabel. Wara d-data ta’ skadenza tal-fażi tan-nominazzjonijiet, il-Kunsill Malti għall-Arti se jevalwa n-nominazzjonijiet eliġibbli kollha u jistabbilixxi l-kategoriji tal-premji li se jagħmlu parti mill-proċess tal-applikazzjoni u evalwazzjoni.

Għalhekk, dawk kollha li se jissottomettu n-nominazzjonijiet huma mħeġġa jissottomettu kwalunkwe xogħol, proġett, inizjattiva jew kisba li jemmnu li juri l-eċċellenza, l-innovazzjoni, l-impatt jew il-kontribut artistiku għas-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta.

Kif Tissottometti Nominazzjoni

In-nominazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi permezz tal-Formola ta’ Google uffiċjali tal-Premju għall-Arti 2026.

Agħfas hawn biex tniżżel il-linji gwida. 

L-iskadenza tal-applikazzjoni hija l-1 ta’ Settembru f’nofsinhar.

Skip to content