L-Istat tal-Arti – Is-Simpożju Nazzjonali ta’ Malta 2024

L-Istat tal-Arti – Is-Simpożju Nazzjonali ta’ Malta ser jerġa’ lura f’Ottubru li ġej. Issa fit-tielet edizzjoni tiegħu, is-simpożju ser iħares lura lejn kulma nkiseb fl-edizzjonijiet preċedenti u jinvolvu ruħu miegħu b’mod kritiku. Din id-darba nixtiequ nġeddu wkoll il-mogħdijiet komuni tagħna billi nadottaw approċċ prattiku u orjentat lejn is-soluzzjonijiet.

L-għan tas-simpożju hu li noħolqu flimkien spazju sigur illi kapaċi jsawwar mill-ġdid l-isforzi individwali u kollettivi u joħloq settur artistiku u kulturali aktar b’saħħtu. Aktar kmieni din is-sena, fuq il-midja soċjali tiegħu l-Kunsill Malti għall-Arti ppubblika stedina lill-membri tal-pubbliku biex jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom dwar liem temi kruċjali jħossu li jenħtieġ jiġu diskussi b’mod urġenti u kruċjali fis-Simpożju. Dan informa u ispira t-temi tal-kontenut u l-iżvilupp tal-programm tas-Simpożju.

Issa li l-organizzazzjoni u l-ippjanar tas-Simpożju qegħdin jimxu lejn stadju aktar komprensiv u intens, nixtiequ nistiednu – bil-għan li nżommu ħaj l-approċċ kokreattiv propost minna – lis-Setturi Kreattivi u Kulturali ta’ Malta (SKKs) kif ukoll lill-pubbliku ġenerali biex iressqu l-kontributi tagħhom ħalli jgħinuna niffaċilitaw skambju sinifikanti u sostenibbli ta’ prattika tajba. Nistednuhom ukoll jissuġġerixxu soluzzjonijiet prattiċi dwar kif nistgħu negħlbu l-isfidi li qiegħed jaffaċċa s-settur bħalissa.

Is-Simpożju ser isir fl-Università ta’ Malta – Kampus tal-Belt Valletta fil-jiem illi ġejjin:

Il-Ħamis 24 ta’ Ottubru 2024, mid-09:00 sat-15:00
Il-Ġimgħa 25 ta’ Ottubru 2024, minn 12:00 sas-17:15

Tema

INĠEDDU MOGĦDIJIET KOMUNI

Fil-ħolqien u fl-organizzazzjoni tagħna ta’ proċessi kreattivi u kulturali:

Kif nistgħu nittrasformaw lilna nfusna bħala individwi biex imbagħad nittrasformaw is-sistema usa’?
Kif tista’ s-sistema ttrasformata mbagħad tittrasforma r-realtajiet individwali tagħna?

Il-ħolqien ta’ ħwejjeġ ma’ ħaddieħor u r-rikonoxximent tal-interdipendenza tagħna huma prattiki ta’ commoning.

Bħala beni komuni l-commons jinsabu lkoll madwarna u jsawru ħajjitna bil-kwiet. Dawn l-assi tanġibbli u intanġibbli jeżistu fil-viċinanzi Maltin tagħna, fil-bliet Mediterranji u fil-kuntest Ewropew u internazzjonali usa’. Imma sewwasew x’inhuma? Il-commons huma r-riżorsi naturali, kulturali u soċjali miżmuma b’modi komuni minn komunità u aċċessibbli għall-membri kollha ta’ soċjetà. Dawn jappoġġaw il-kwalità tal-ħajja. Eżempji prattiċi ta’ commons jinkludu: l-arja, il-foresti, ix-xmajjar, il-baħar u d-Dinja abitabbli; parks lokali u ġonna komunitarji; lingwa lokali u għarfien kondiviż; kontenut iġġenerat mill-utenti fuq l-internet u softwer b’sors miftuħ; movimenti artistiċi u arti pubblika; is-sigurtà u l-ġustizzja.

Xi drabi l-fehim u l-involviment tal- commons joħorġu mill-koperazzjoni, drabi oħra mill-kunflitt. Fil-qalba tagħhom, il-commons jibbenefikaw lis-soċjetà kollha kemm hi u jmorru lil hinn mill-interessi individwali, settorjali jew ġenerazzjonali, tant illi jikkonċepixxu lid-Dinja mhux biss bħala sempliċi teżor kondiviż iżda, iżjed minn hekk, bħala ko-attur ugwali. Il-kunċett tal-commons jistedinna naġixxu bħala ċittadini fi ħdan xbieki soċjali interkonnessi. Madankollu fix-xenarju politiku kontemporanju tagħna x-xettiċiżmu jiddomina qatigħ. Il-libertà individwali fis-swieq privati ħafna drabi tieħu preċedenza fuq ir-rwol taċ-ċittadini li jaqdu, jinvolvu ruħhom u jwerrtu l-commons f’kundizzjoni tajba – responsabbiltà msejħa commoning.

L-arti u l-kultura jipprovdulna għodod biex noħolmu u nistħajlu mill-ġdid modi kif inwettqu u nkunu u b’hekk jippermettulna noħolqu konnessjonijiet u nikkondividu flimkien. Kif jistgħu l-arti u l-kultura jżommu l-commons qawwijin u sħaħ. Kif jistgħu jsostnu l-arti u l-kultura? Ispirat mill-ħsibijiet illi l-pubbliku qasam magħna aktar kmieni din is-sena, is-Simpożju jipproponi t-tema Inġeddu Mogħdijiet Komuni. Din hi spjegata aktar fit-taqsima li jmiss hawn taħt.

Sejħa għal Kontributi

Suġġetti ta’ interess illi jiżvelaw it-tema ġenerali Inġeddu Mogħdijiet Komuni fost mistoqsijiet oħra jinkludu dawn:

Kif tista’ prattika ta’ commoning ssostni l-istatus soċjoekonomiku u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni kreattivi?

Kif jistgħu l-proċessi ta’ commoning jisfidaw l-istrutturi limitati u limitanti attwali tal-finanzjament tal-arti?

Kif jistgħu l-ispazji u l-infrastrutturi jsiru iżjed disponibbli, aċċessibbli u affordabbli permezz ta’ prattiki ta’ commoning?

Kif jistgħu l-valuri kondiviżi u l-etika tal-kura jiftħu aċċess għal grupp usa’ ta’ prattikanti bi bżonnijiet u esperjenzi differenti ħalli jwasslu għal aktar ekwità?

Kif jista’ proċess ta’ commoning jipprovdi varjetà usa’ ta’ forom u prattiki artistiċi li jkunu relevanti għal udjenzi aktar diversi?

Kif tista’ prattika ta’ commoning tgħaqqad u tikkonsolida l-isforzi lejn l-iżvilupp ta’ tagħlim formali u mhux formali?

Il-kontributi jistgħu jiffukaw fuq aktar minn suġġett wieħed u jkunu wkoll transsettorjali

Il-kontributi magħżula ser jiġu mistiedna jsiru parti mill-programm tas-Simpożju nhar l-24 ta’ Ottubru jew il-25 ta’ Ottubru. L-organizzaturi jirriżervaw kull dritt illi jallokaw data u ħinijiet speċifiċi għal kull kontribut magħżul, dejjem skont ir-rilevanza tiegħu għall-programazzjoni ġenerali tas-Simpożju.

Il-Kunsill Malti għall-Arti japprezza ħafna proposti minn artisti, riċerkaturi, akkademiċi, deċiżuri politiċi, attivisti, persuni kreattivi u ħaddiema oħra tal-arti mill-SKKs u minn setturi ta’ interess komuni – fost oħrajn is-Settur Soċjali, is-Settur tal-Edukazzjoni, is-Settur tas-Saħħa, is-Settur tas-Sostenibbiltà, il-Gvern Lokali u s-Soċjetà Ċivili – li jirrappreżentaw firxa wiesgħa ta’ sfondi differenti. Dawn l-isfondi jinkludu d-diversità tal-ġeneri, l-orjentazzjoni sesswali, l-età, abbiltajiet diversi, id-diversità kulturali, it-twemmin divers, sfondi soċjoekonomiċi, sfondi edukattivi, oqsma ta’ kompetenza/esperjenza u sfondi ġeografiċi. Dawn il-partijiet interessati speċifiċi jistgħu jissottomettu proposti dwar workshops, inizjattivi, prattiki tajbin, strateġiji u soluzzjonijiet possibbli, prattiki performattivi u artistiċi oħra u mistoqsijiet għall-esplorazzjoni u għad-diskussjoni matul it-tielet edizzjoni tal-Istat tal-Arti – Simpożju Nazzjonali ta’ Malta. Il-kontributi għandu jkollhom konnessjoni ċara u diretta mal-SKKs ta’ Malta.

Skadenza għas-sottomissjonijiet tal-kontributi: It-Tnejn 22 ta’ Lulju 2024, 17:00.

Is-sottomissjonijiet kollha għandhom jitressqu permezz ta’ din il-formola online.

Niżżel is-Sejħa għall-Kontributi minn hawnhekk.

Kwalunkwe mistoqsija rigward is-Sejħa għall-Kontributi għandha tiġi indirizzata lil hello.acm@artscouncil.mt.

Skip to content