L-Iskema għal Sussidju Parzjali ta’ Self Approvat mill-Banek lill-Każini tal-Banda hija parti mill-iskemi ta’ finanzjament tal-Kunsill Malti għall-Arti bil-għan ta’ investiment fil-każini tal-banda lokali. Il-każini għandhom irwol kruċjali fil-preżervazzjoni ta’ tradizzjonijiet kulturali, it-trawwim ta’ identità komunitarja u tat-talent żagħżugħ fil-mużika u l-arti performattiva f’Malta. Madankollu organizzazzjonijiet volontarji bħalhom, spiss isibu quddiem wiċċhom sfidi finanzjarji kbar biex iżommu l-operat tagħhom, jinvestu f’infrastruttura, u biex jimmodernizzaw il-faċilitajiet tagħhom.
Jeżisti aċċess għal finanzjament mis-settur bankarju imma ħafna drabi l-ispiża tas-self toħnoq dan l-aċċess. Minkejja l-ħtieġa għal titjib, rinovazzjonijiet u inizjattivi kulturali, l-organizzazzjonijiet volontarji jaqtgħu qalbhom minħabba r-rati għolja tal-imgħax marbuta mas-self bankarju. Din l-iskema għandha l-għan issaħħaħ is-settur billi ttaffi l-piż finanzjarju fuq il-każini tal-banda li jissellfu mill-banek.
Din l-iskema se tissussidja parzjalment il-piż tal-imgħax fuq tali self, u b’hekk tiffaċilita l-investiment, tiżgura sostenibbiltà finanzjarja, u ttejjeb il-kontribut kulturali tal-każini tal-banda.
L-għajnuna hija mmirata esklużivament għall-każini tal-banda lokali, li huma organizzazzjonijiet volontarji komunitarji li jiġġeneraw valur pubbliku. L-għajnuna se ssaħħaħ is-sostenibbiltà finanzjarja tagħhom għal żmien twil u tissalvagwardja l-ħila tagħhom li jipprovdu servizzi kulturali lill-komunità.
L-għan ewlieni ta’ din l-iskema huwa li jiffaċilita l-aċċess għal finanzjament affordabbli lill-każini tal-banda billi jissussidja parti mill-imgħax dovut fuq self bankarju approvat. Is-sussidju se jkun imsejjes fuq iffissar ta’ limitu massimu ta’ €500,000 (ħames mitt elf ewro) ta’ self bankarju. Għalhekk, fil-każ ta’ self ta’ €600,000, waqt li dan xorta jikkwalifika għal din l-iskema, l-għajnuna se tiġi kkalkulata fuq l-ewwel €500,000 biss.
L-iskema hija mfassla bħala intervent proporzjonat u trasparenti, li tiżgura li l-għajnuna pubblika tnaqqas il-piż finanzjarju direttament mingħajr ma xxekkel il-kompetizzjoni tas-suq, billi tnaqqas l-ispiża effettiva tas-self. Din hija miżura li se tixpruna investiment fl-infrastruttura, il-modernizzazzjoni, u l-attivitajiet kulturali. Mingħajr din l-għajnuna, dan kollu ma jintlaħaqx.
Qabelxejn, il-każini tal-banda se jieħdu r-responsabbiltà li jinnegozjaw ftehim ta’ self bankarju direttament mal-istituzzjonijiet bankarji, jiżguraw li huma kapaċi jakkwistaw finanzjament imfassal għall-ħtiġijiet tagħhom waqt li wkoll iżommu mal-proċeduri standard ta’ diliġenza bankarja.
Ladarba s-self joħroġ, il-Kunsill Malti għall-Arti, f’isem il-Gvern, se jintervjeni biss għall-għan ta’ sussidju ta’ 50% tal-imgħax dovut marbut mas-self.