Titolu tal-Arti, Isem tal-Artist, SSSS

Linji Gwida dwar il-Baġit

Skemi tal-Fondi 2025

Skadenza

Applikazzjonijiet tardivi mhux se jiġu aċċettati

Il-mudell tal-baġit tal-proġett huwa parti essenzjali tal-formola tal-applikazzjoni u jeħtieġ li jimtela b’mod korrett sabiex l-applikazzjoni tiegħek tiġi pproċessata u evalwata. Fit-taqsima tal-baġit inti mitlub li tiddeskrivi b’mod sħiħ kemm id-dħul kif ukoll in-nefqa, u tinkludi wkoll kwalunkwe prova dokumentata kif meħtieġ, jekk din tkun disponibbli fl-istadju tal-applikazzjoni.

L-Iskemi tal-fondi 2025 għandhom intensità ta’ finanzjament li tvarja bejn 50% u 100%. L-iskemi jappoġġjaw l-ammonti indikati bħala Kofinanzjament fit-tabella ta’ hawn taħt. L-applikant huwa meħtieġ li jikkofinanzja, jew isib sorsi oħra biex jikkofinanzja l-perċentwal li jifdal tal-ispejjeż meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proġett (pereżempju 20% fil-każ ta’ intensità ta’ Kofinanzjament ta’ 80%).

L-ammont massimu eliġibbli huwa l-ammont massimu ta’ kull għotja li tista’ tiġi sostnuta mill-iskema. Din l-informazzjoni tinsab fil-linji gwida tal-programmi speċifiċi ta’ finanzjament.

Dawn il-linji gwida tal-baġit huma għal applikanti prospettivi tal-Iskemi tal-fondi 2025 offruti mill-Kunsill Malti għall-Arti. L-iskemi kollha huma kompetittivi u huwa rrakkomandat li taqra dawn il-linji gwida qabel ma tissottometti l-applikazzjoni tiegħek.

Kif timla t-taqsima tal-baġit

It-taqsima tal-baġit fl-applikazzjoni onlajn lill-evalwaturi tagħtihom l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jikkunsidraw il-vijabilità finanzjarja tal-attività proposta tiegħek. Il-mudell tal-baġit huwa għodda essenzjali biex tiddeskrivi l-ispejjeż (in-nefqa) u tbassar l-ammont ta’ flus li se tiġġenera (dħul) kif ukoll kwalunkwe finanzjament ieħor diġà assigurat jew meħtieġ biex tkun żgurata l-fattibilità tal-attività tiegħek. Huwa kruċjali li tipprovdi baġit realistiku bbażat fuq dokumentazzjoni ta’ sostenn.

Din il-gwida se tgħinek tippreżenta baġit ibbilanċjat, u aħna nagħtuk parir li tipprovdi tqassim ċar għal kull entrata biex turina kif wasalt għall-figuri tiegħek.

1. Dħul

F’din it-taqsima tal-baġit, għandek tipprovdi dettalji tad-dħul tal-flus għall-applikazzjoni tiegħek. Trid tispeċifika jekk kull entrata tad-dħul ġietx diġà assigurata, hijiex qed tiġi nnegozjata jew ippjanata. Huwa ssuġġerit bil-qawwa li tagħti tqassim ċar tad-dħul kollu.

It-tipi ta’ dħul jistgħu jinkludu:

    • Ammont mitlub mill-Fond;

    • Finanzjament tal-folla;

    • Kontribuzzjoni in kind (ara t-taqsima 3 hawn taħt għal aktar dettalji);

    • Fondi pubbliċi oħra (eż. Kontribuzzjoni tal-kunsill lokali);

    • Kontribuzzjoni proprja (is-sors tal-applikant u/jew l-organizzazzjoni bħal miżati tas-sħubija eċċ.);

    • Dħul ippjanat minn attività (eż. dħul minn bejgħ ta’ biljetti, jew bejgħ ta’ xogħol permezz ta’ galleriji);

    • Royalties u tariffi tal-liċenzja/i;

    • Sponsors (eż. bank lokali).

2. Nefqa

F’din it-taqsima tal-baġit, inti mitlub li tiddeskrivi fid-dettall l-ispejjeż kollha relatati mal-applikazzjoni tiegħek. L-ispejjeż eliġibbli jvarjaw minn skema għal oħra; irreferi għat-taqsima tlieta fil-linji gwida għal informazzjoni aktar dettaljata dwar liema spejjeż huma sostnuti minn kull skema, u liema spejjeż mhumiex sostnuti minn kull skema.

It-tipi ta’ nfiq jistgħu jinkludu:

    • Ħlasijiet artistiċi

    • Kontinġenza, li ma taqbiżx l-10% tal-ispiża totali

    • Ħlasijiet relatati mat-taħriġ u l-iżvilupp (fejn applikabbli – PSS mhux applikabbli)

    • Spejjeż marbuta maċ-ċertifikazzjoni u/jew awditjar tad-dokumenti finanzjarji tal-proġett

    • Miżuri ta’ Saħħa u Sigurtà.

    • Kiri/Xiri ta’ tagħmir (ix-xiri ta’ tagħmir jiġi kkunsidrat biss jekk jitqies meħtieġ għall-proġett)

    • Assigurazzjoni

    • Marketing, PR u komunikazzjonijiet

    • Ħlasijiet oħra relatati direttament mal-implimentazzjoni tal-proġett (li jinkludu iżda mhux limitati għal: kwistjonijiet legali, konsulenti, fornituri ta’ servizzi, miżati ta’ parteċipazzjoni, miżati lingwistiċi eċċ …)

    • Immaniġġjar tal-Proġett (li jinkludi iżda mhux limitat għal: l-amministrazzjoni, il-koordinazzjoni, l-iżvilupp)

    • Kiri ta’ spazji

    • Akkomodazzjoni Standard

    • Abbonamenti għal pjattaformi virtwali jew servizzi diġitali oħra fejn rilevanti

    • Ivvjaġġar (klassi ekonomika) li jinkludi iżda mhux limitat għal: trasport pubbliku, vjaġġar bl-ajru, kiri ta’ karozza / vettura

3. Kontribuzzjoni in kind

Kontribuzzjoni in kind, għall-kuntrarju tal-kontribuzzjoni fi flus, tintuża biex tiddeskrivi kwalunkwe materjal jew servizz li huwa pprovdut mingħajr ħlas jew b’rata mnaqqsa, u li turi appoġġ jew investiment ta’ parti terza fl-attività proposta li inti qed tfittex finanzjament għaliha. Il-valur tal-appoġġ in kind jikkontribwixxi lejn finanzjament ieħor meħtieġ minn sorsi oħra.

Kontribuzzjoni in kind għandha tkun inkluża kemm taħt id-“dħul” kif ukoll “spiża” bl-istess ammont. Fi kliem ieħor, kontribuzzjoni in kind ma tistax tiġi akkumulata, u għandha valur biss meta u jekk tintuża.

Eżempji ta’ kontribuzzjoni in kind jinkludu dawn li ġejjin:

    • Donazzjoni ta’ materjal u/jew tagħmir meħtieġ biex toħloq jew tippreżenta x-xogħol propost (eż. Kelliema, projetturi) li ngħatajt u li kieku jkollok tħallas għalihom;

    • Rinunzja għall-kirja ta’ post (eż. studio, spazju għar-rehearsals, jew għall-esibizzjonijiet).

    • Ħlasijiet rinunzjati/appoġġ speċjalizzat (eż. konsulent, konsulent tan-negozju, PR & marketing, iffilmjar & fotografija);

Kontribuzzjonijiet in kind ma jinkludux:

    • Kontribuzzjonijiet ta’ flus (dawn għandhom jiġu ddikjarati bħala dħul);

    • Attivitajiet, materjali jew servizzi li ġew ipprovduti qabel il-bidu tal-attività proposta tiegħek (l-ispejjeż retrospettivi mhumiex eliġibbli).

4. Taxxa tal-VAT

Kull entità jew individwu li jwettaq attività ekonomika għandu jirreġistra għall-VAT. Jekk jogħġbok kun żgur li l-istatus tal-VAT tiegħek huwa skont ir-regolamenti maħruġa mill-Kummissarju għad-Dħul.

Meta timla l-applikazzjoni se tkun mitlub li timmarka jekk intix irreġistrat taħt l-Artikolu 10 jew jekk intix reġistrat taħt l-Artikolu 11.

F’ każ ta’ applikanti rreġistrati taħt l-artikolu 10 u li se jirkupraw il-VAT li hija imposta minn partijiet terzi, kwalunkwe ammont tal-VAT mhux se jkun kopert mill-għotja. Applikanti li huma rreġistrati taħt l-Artikolu 11 u huma eżentati mill-VAT jistgħu jinkludu l-VAT mitluba lilhom minn partijiet terzi bħala spiża eliġibbli.

Meta tissottometti kwotazzjoni lill-Kunsill, din għandha dejjem tinkludi l-VAT. L-ammont tal-kwotazzjoni li tintalab permezz tal-għotja, madankollu, jeħtieġ li jiġi kkalkulat skont l-Artikolu li huwa rreġistrat taħtu l-applikant.

Jekk l-applikazzjoni tkun iffinanzjata, jiġi ffirmat kuntratt bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-benefiċjarju. Il-kuntratt se jindika t-tip ta’ rapporti li l-benefiċjarju se jissottometti lill-Kunsill. Kull rapport se jinkludi formola tal-baġit. Fatturi tal-VAT u/jew irċevuti fiskali għandhom jiġu sottomessi flimkien mal-formola tal-baġit.

Huwa importanti li jiġi żgurat li fattura tal-VAT u/jew riċevuta fiskali tkun issostni kull punt tal-baġit. Ammonti li mhumiex sostnuti minn fattura tal-VAT jew irċevuta fiskali jistgħu ma jkunux koperti mill-għotja.

F’każ li l-benefiċjarju ma jwettaqx attività ekonomika u għaldaqstant m’huwiex irreġistrat għal-VAT il-benefiċjarju għandu l-obbligu li jaċċerta ruħu li ser jingħata riċevuta fiskali għas-servizz jew xogħol li qed jingħata.

Jekk jogħġbok irreferi għas-sit web tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għad-Dħul għal aktar informazzjoni relatata mal-VAT (https://cfr.gov.mt/en/vat/general_information/Pages/default.aspx).

Lista ta’ mistoqsijiet frekwenti relatati mal-VAT hija disponibbli fuq il-link li ġej:
https://cfr.gov.mt/en/faqs/Pages/VAT/VAT-FAQs.aspx.

5. Kontijiet Iċċertifikati

Fil-każ ta’ għotja minima ta’ għaxart elef ewro (€10,000), il-benefiċjarji jaqblu li jipprovdu tqassim dettaljat tal-baġit għall-proġett iffinanzjat mill-Kunsill Malti għall-Arti. Il-baġit għandu jitħejja f’konformità mal-istandards finanzjarji applikabbli u allinjati mal-Linji Gwida u r-Regolamenti tal-Iskema, u għandhom ikunu ċċertifikati minn accountant jew awditur bil-warrant. Il-baġit iċċertifikat irid jkun imressaq flimkien mar-rapport finali tal-proġett ladarba dan jitlesta. Il-Kunsill Malti għall-Arti jirriżerva d-dritt li jitlob lill-Beneficjarju biex jissottometti d-dokumentazzjoni finanzjarja li tappoġġja l-baġit dettaljat iċċertifikat.

6. Għajnuniet dwar il-Baġit

Kun żgur li l-aspetti finanzjarji kollha deskritti fil-parti narrattiva tal-applikazzjoni tiegħek jikkorrispondu u jirrelataw mal-punti elenkati fil-baġit u viċi versa. Il-baġit huwa mezz ieħor biex tippreżenta l-attività proposta tiegħek u għandu jikkumplimenta n-narrattiva tal-applikazzjoni tiegħek.

Identifika s-sorsi kollha possibbli tad-dħul fil-baġit, u kun żgur/a li tindika jekk humiex assigurati, mhux garantiti jew ippjanati.

Iċċekkja mill-ġdid il-baġit tiegħek u kun żgur li t-talba tiegħek għall-finanzjament taqa’ fil-limitu ta’ finanzjament tal-programm ta’ finanzjament.

Kun żgur/a li l-projezzjonijiet tad-dħul huma realistiċi u bbażati fuq evidenza u/jew esperjenza preċedenti.

Ipprovdi d-dokumentazzjoni ta’ sostenn kollha meħtieġa.

Għandek bżonn l-għajnuna?

Jekk għandek bżonn l-għajnuna meta tkun qed timla t-taqsima tal-baġit tal-applikazzjoni tiegħek jekk jogħġbok ikkuntattja lit-tim tagħna tas-servizz ta’ senserija fuq 2334 7230 jew ibgħatilna email fuq
[email protected]. Ġentilment innota li ma nistgħux naqraw applikazzjonijiet sħaħ qabel ma jiġu sottomessi.

Barra minn hekk, il-Kunsill Malti għall-Arti jipprovdi firxa ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni għall-Programmi ta’ Finanzjament tagħha kif ukoll workshops li wieħed jista’ jattendi bla ħlas biex jgħinuk tiffamiljarizza ruħek mal-fondi. Ikkuntattjana għal aktar informazzjoni

Skip to content