Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Kunsill Malti għall-Arti għandu l-għan li joħloq sħubiji ma’ organizzazzjonijiet volontarji lokali li joperaw fis-setturi kulturali u kreattivi. Dawn l-organizzazzjonijiet se jikkollaboraw mal-Kunsill Malti għall-Arti sabiex iwettaq il-viżjoni tiegħu, u cioè, li “aħna rridu li l-arti tkun fil-qalba tal-futur ta’ Malta”, u sabiex il-Kunsill iwettaq il-missjoni tiegħu, “xprunat bl-impenn tagħna għad-drittijiet kulturali, fejn ninvestu fl-arti sabiex insaħħu l-ekoloġija kreattiva u kulturali ta’ Malta”.
Il-programm hu intenzjonat li jipprovdi appoġġ stabbli lil organizzazzjonijiet sabiex jippjanaw, jikbru, jiżviluppaw, u jwettqu l-għanijiet strateġiċi tal-KMA, primarjament indirizzati lejn professjonisti u komunitajiet kreattivi, partikolarment sabiex:
1. Jinvestu u jrawwmu espressjoni artistika u kulturali diversa;
2. Jappoġġjaw u jippromwovu l-kundizzjonijiet li fihom is-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta jistgħu jiffjorixxu;
3. Jippromwovu u jipprovdu opportunitajiet immexxija mill-komunità sabiex jinvolvu ruħhom fl-arti u l-kultura;
4. Isaħħu r-relazzjonijiet internazzjonali kulturali ta’ Malta billi jiżviluppaw skambji u kollaborazzjonijiet internazzjonali artistiċi;
5. Irawwmu kollaborazzjonijiet trans-settorjali li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli ta’ Malta.
Il-Kunsill Malti għall-Arti se jkun qiegħed jirċievi applikazzjonijiet minn organizzazzjonijiet volontarji iskritti mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji li għandhom il-potenzjal li jagħmlu kontribut sinifkanti għall-prijoritajiet u ambizzjonjiet indikati hawn fuq.
Il-fondi allokati għal dawn l-organizzazzjonijiet magħżula se jkopru attivitajiet li se jseħħu fl-2026, l-2027, u l-2028.
Il-programm huwa kompost minn żewġ fergħat:
L-1 Fergħa, ‘Investiment fi Żvilupp Organizzattiv’, tiffoka fuq il-bini tal-kapaċità u l-iżvilupp tan-negozju.
It-2 Fergħa, ‘Investiment f’Programmi u Avvenimenti Kulturali Rikorrenti’, tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ opportunitajiet professjonali għal artisti u udjenzi. (Jekk jogħġbok irreferi għal-linji gwida u regolamenti tat-2 Fergħa).