Il-Pjattaforma tal-Fond għall-Kultura u s-Saħħa għall-Gżejjer Maltin hija parti minn inizjattiva t’erba’ snin immirata biex tappoġġja artisti Ewropej emerġenti li jaħdmu fl-interesezzjoni tas-setturi tal-kultura, saħħa, kura, kif ukoll dawk soċjali. Il-pjattaforma KulturaUSaħħa hija ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea, minn Ewropa Azzjoni Kulturali, u minn 14-il organizzazzjoni Ewropea sħab oħra, inkluż ARC Research & Consultancy bħala l-isħab Malti għal din il-pjattaforma. Il-benefiċċji ewlenin tal-pjattaforma KulturaUSaħħa għall-artisti jinkludu:
- Appoġġ finanzjarju għal proġetti li jwaħħdu l-kultura u s-saħħa;
- Mobbiltà internazzjonali u viżibbiltà miżjuda;
- Inizjattivi ta’ taħriġ u bini ta’ kapaċità;
- Appoġġ bejn il-pari u opportunitajiet ta’ netwerking;
- Li jiġu aċċennati avvenimenti li jitfgħu dawl fuq ix-xogħol tal-artisti.
Għal aktar informazzjoni dwar il-Pjattaforma tal-KulturaUSaħħa, tista’ tikkonsulta l-vidjo tal-avveniment tat-tnedija online. Kollezzjoni ta’ proġetti fl-oqsma tal-kultura, saħħa, u benessri jistgħu jinsabu fid-database tal-immappjar tal-CultureForHealth.
Bħala parti mill-inizjattivi tal-pjattaforma lokali, ARC Research & Consultancy, f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti (minn dan il-punt ’il quddiem riferuti bħala l-entitajiet tal-finanzjament) qed iniedu fond li fil-mira tiegħu se jkollu artisti emerġenti Maltin u artisti bbażati f’Malta kif ukoll professjonisti kreattivi fil-qasam intersettorjali tal-kultura, saħħa, u kura.
L-iskema hija appoġġjata b’mod ugwali mill-Kunsill Malti għall-Arti (permezz ta’ fondi allokati mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali) u l-ARC Research & Consultancy (permezz ta’ fondi allokati mill-Unjoni Ewropea).
F’konformità ma’ waħda mit-temi ewlenin tal-KMA li tiffoka fuq il-kura, dan il-fond huwa għodda biex ikompli jappoġġja s-setturi kulturali u kreattivi billi:
- Irawwem kollaborazzjonijiet intersettorjali fuq livelli lokali u nazzjonali biex jappoġġjaw l-interesezzjoni bejn il-kultura, saħħa, u kura.
- Irawwem interess fil-kultura, saħħa, u kura bħala intersezzjoni li tappoġġja l-benessri olistiku u soċjetajiet prosperużi.
- Jesplora l-effetti pożittivi t’attivitajiet tal-arti u dawk kulturali fuq is-saħħa u l-benessri
- Jappoġġja l-iżvilupp tal-artisti u l-professjonisti kreattivi impenjati fl-esplorazzjoni ta’ dan il-qasam
- Jiffaċilita l-ħolqien ta’ proġetti, programmi, u pjattaformi li jippermettu lil artisti emerġenti sabiex jinteraġġixxu ma’ komunitajiet speċifiċi, oqsma tal-kura tas-saħħa, u/jew kundizzjonijiet ta’ saħħa ta’ sfida permezz tal-prattika artistika tagħhom.
- Jibni u jsaħħaħ sħubiji strateġiċi, kollaborazzjonijiet, u netwerks, kemm fuq livell nazzjonali u internazzjonali, sabiex jippermetti opportunitajiet sostenibbli u soluzzjonijiet sistematiċi fit-tul fl-intersezzjoni bejn il-kultura u s-saħħa.
- Jagħti valur u pożizzjoni aktar promettenti lid-diversità tal-espressjoni artistika u kulturali, kif ukoll l-aċċess u l-parteċipazzjoni fl-istess bħala parti integrali għall-ekoloġija kulturali u kreattiva aktar wiesa’ ta’ Malta.
Din l-iskema tirrikonoxxi l-potenzjal tal-intersezzjoni bejn il-kultura, is-saħħa, u l-kura sabiex tappoġġja l-benessri olistiku, il-prevenzjoni tal-mard, u proċessi ta’ kura, kif ukoll komunitajiet aktar b’saħħithom u f’saħħithom. Filwaqt li tirrikonoxxi l-valur ta’ kull forma ta’ prattiċi u interventi fil-qasam tal-kultura u s-saħħa, din l-iskema speċifikament se tipprijoritizza inizjattivi mmexxija minn artisti li joperaw f’din l-intersezzjoni. It-tipi ta’ proġetti li dan il-fond għandu l-mira li jgħin huma deskritti taħt is-sezzjonijiet ‘L-1 Fergħa’ u ‘It-2 Fergħa’.
Din l-iskema se tkun maqsuma f’żewġ fergħat.
L-1 Fergħa – Mobbiltà ta’ tagħlim internazzjonali
Din l-iskema toffri opportunità għal artisti emerġenti sabiex jipparteċipaw f’opportunitajiet internazzjonali ta’ shadowing/mentoraġġ sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp u l-iskambju t’għarfien għal artisti emerġenti f’dan il-qasam.
Din il-fergħa se tippermetti lil individwi sabiex jesprimu l-interess tagħhom f’, kif ukoll jiriċevu appoġġ għal, parteċipazzjoni f’opportunitajiet internazzjonali defenuti minn qabel ta’ tagħlim u netwerking fil-qasam intersettorjali tal-kultura u saħħa, kura, u s-setturi soċjali. L-applikanti huma mistiedna sabiex jagħżlu waħda mill-opportunitajiet segwenti u biex ċarament jiġġustifikaw ir-raġunament għall-għażla tagħhom billi jagħmlu referenza diretta għall-prattika tagħhom u l-interessi ta’ riċerka attwali tagħhom.
Is-segwenti huma dettalji dwar kull opportunità ta’ mobbiltà offruta. L-applikanti huma meħtieġa li jikkuntattjaw l-ospitanti sabiex jiddiskutu l-parteċipazzjoni tagħhom sabiex jakkwistaw ittra t’intenzjoni:
L-1 Opportunità: Il-Forum ta’ Kultura u Saħħa f’Vjenna (Awstrija) fl-2026
Bejn is-7 u l-11 ta’ Settembru 2026, il-Pjattaforma tal-Kultura u s-Saħħa se tkun qed torganizza konferenza oħra li se ġġib flimkien imsieħba, partijiet interessati, u prattikanti kreattivi li jaħdmu fl-intersezzjoni bejn il-kultura u s-saħħa. Il-konferenza se tkun organizzata minn membri tal-pjattaforma tal-Arti għas-Saħħa tal-Awstrija (Arts for Health Austria) u se tinkludi firxa t’attivitajiet differenti, inkluż netwerking u skambji, taħriġ, u preżentazzjonijiet. Il-pjattaforma hija ideali jekk qed tfittex li titgħallem aktar dwar xejriet attwali fil-kultura u s-saħħa, jekk qed tfittex li testendi l-konnessjonijiet, sħubijiet, u proġetti internazzjonali tiegħek, u jekk int interessat sabiex testendi l-prattika tiegħek fl-intersezzjoni bejn l-arti u s-saħħa.
Aktar informazzjoni hija disponibbli hawnhekk: https://www.cultureandhealth.eu/events/culture-and-health-forum/
Sabiex tagħmel kuntatt mal-ospitant u tiddiskuti l-parteċipazzjoni potenzjali tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattja [email protected]. Fis-suġġett tiegħek indika ċarament li l-korrispondenza tiegħek tirrigward l-Pjattaforma tal-Fond għall-Kultura u s-Saħħa għall-Gżejjer Maltin.
It-2 Opportunità: Opportunità individwali ta’ shadowing ma’ Saaramaija Żórawski
Din l-opportunità ta’ shadowing toffri esperjenza ta’ tagħlim bejn il-pari ta’ ħamest ijiem fil-Finlandja, f’Settembru 2026, u tikkombina osservazzjoni, parteċipazzjoni, u skambju riflessiv fi ħdan kuntesti ta’ kura tas-saħħa u kura. Il-programm jinkludi preparazzjoni u parteċipazzjoni f’sessjoni ta’ grupp f’ċentru tal-kanċer, ħidma ta’ żvilupp kreattiv ma’ diskussjonijiet ta’ mentoraġġ, u involviment ta’ jum sħiħ f’dar tal-kura, konkluż b’sessjoni ta’ riflessjoni.
Profil
Saaramaija Żórawski hija mużiċista u pedagogu tal-mużika, bil-prattika tagħha twaħħad kompożizzjoni, prestazzjoni, u metodi parteċipattivi f’sptarijiet, djar għall-kura, u spazji komunitarji. Hi taħdem bil-metodu—żviluppat minnha stess—ta’ Ääneen Laulettu (“Sung Out Loud”), li jikkombina mużika, kitba kreattiva, u espressjoni artistika sabiex tappoġġja proċessar emozzjonali u sabiex issaħħaħ il-konnessjoni umana.
Fil-proġett riċenti tagħha fiċ-Ċentru tal-Kanċer tal-Isptar Universitarju ta’ Ħelsinki, Saaramaija applikat il-metodu tagħha ta’ Ääneen Laulettu għal adulti żgħar li qed jirkupraw minn trattament ta’ kanċer. Permezz ta’ mużika, kitba, u ħolqien t’arti kollaborattiva, il-parteċipanti esploraw l-esperjenzi tagħhom, naqqsu s-sens t’iżolazzjoni, u ħolqu fehim komuni matul tranżizzjoni vulnerabbli f’ħajjithom.
Dan il-proġett jikkontribwixxi wkoll għal mudell ta’workshop ibbażat fuq il-mużika għal ambjenti ta’ sptarijiet u jippromwovi l-integrazzjoni t’approċċi bbażati fuq l-arti f’ambjenti tal-kura tas-saħħa. Ix-xogħol ta’ Saaramaija jitfa’ dawl fuq il-potenzjal tal-mużika sabiex irawwem il-benessri, jappoġġja s-saħħa mentali, u jibni l-komunità f’kuntesti kliniċi.
Sabiex tagħmel kuntatt mal-ospitant tiegħek u tiddiskuti l-parteċipazzjoni potenzjali tiegħek, jekk jogħġbok ikteb lil: [email protected].
It-3 Opportunità: Opportunità individwali ta’ shadowing ma’ Rita Winde u Joanne Thede
Din l-opportunità ta’ shadowing toffri żjara ta’ tagħlim ta’ tlett ijiem fl-Isvezja (Helsingborg) fil-ħarifa, tentattivament f’Settembru. L-artist magħżul se josserva u jipparteċipa f’prattiċi t’arti fil-kura, inkluż jattendi workshop f’djar tal-anzjani, jitgħallem dwar metodi u materjali lokali, jiltaqa’ m’artisti u spazji kulturali, u jżur istituzzjonijiet tal-arti reġjonali.
Profil – Rita Winde:
Rita toħloq proġetti parteċipatorji li jistiednu riflessjoni kollettiva. B’dan il-proġett, hi tiżviluppa workshops tat-tpinġija għal nies bid-dimensja, il-familji tagħhom u l-istaff, u tesplora kif l-arti tista’ tbiddel interazzjonijiet f’kuntesti ta’ kura.
Rita Winde hija pittriċi u artista performattiva Svediża bbażata fin-nofsinhar tal-Isvezja. Hija kisbet MFA mill-Akkademja tal-Arti ta’ Valand u taħdem kemm f’studjo u spazji pubbliċi sabiex tesplora s-soċjetà, l-istorja, u r-relazzjonijiet. F’proġetti bħal edithforce, hi toħloq esperjenzi parteċipatorji li jipprovokaw mistoqsijiet bħal “Għala qiegħda l-mod kif qiegħda?” u “X’nistgħu nagħmlu?” Ix-xogħol viżwali u performattiv tagħha jistieden l-udjenzi f’proċessi komuni u jinkuraġġixxi riflessjoni u involviment kollettiv.
Hi tiżviluppa workshops ta’ tpinġija li jinvolvu nies b’dimensja, staff, u membri familjari. Hija tixtieq tesplora kif interazzjonijiet bejn individwi jinbidlu meta l-ħolqien artistiku jiġi introdott f’faċilità residenzjali għal individwi b’nuqqasijiet konjittivi.
Joanna Thede:
Imwielda fl-1969, Joanna Thede għexet nofs ħajjitha f’villaġġ żgħir antik tas-sajd jismu Råå, fin-nofsinhar ta’ Helsingborg fl-Isvezja. Għexet ukoll erba’ snin fit-Tanżanija bħala tifla, kif ukoll fi Franza, id-Danimarka, u l-Iskozja bħala adulta żgħira. Joanne Thede studjat il-lingwi u l-istorja tal-arti qabel ma daħlet fl-Iskola tal-Arti ta’ Glasgow, fejn gradwat mid-Dipartiment tal-Iskultura fl-2003.
Hija attendiet ukoll korsijiet tal-arti (fine art) fl-Università ta’ Malmö u l-Kulleġġ Universitarju tal-Arti, is-Snajja, u d-Disinn ta’ Stokkolma. Ilha taħdem bħala artista sa mill-2003, b’mod ewlieni fl-installazzjonijiet tad-dwal, u għamlet diversi xogħlijiet t’arti pubblika. Matul dan iż-żmien, hija ħadmet ukoll f’klassi tal-arti għal tfal u żgħażagħ, u bl-arti f’sptarijiet. Joanna Thede rċeviet diversi għotijiet mill-Kumitat tal-Għotjiet tal-Arti Svediż u min-Nordic Culture Point. Hija esebiet fl-Iskozja, l-Irlanda, l-Estonja, il-Litwanja, il-Greċja, il-Ġermanja, l-Ungerija, u l-Indja, kif ukoll f’pajjiżi Nordiċi, u hija wkoll irrappreżentata minn kollezzjonijiet privati fit-Tanżanija u l-Afrika t’Isfel.
Sabiex tagħmel kuntatt mal-ospitant biex tiddiskuti l-parteċipazzjoni potenzjali tiegħek, jekk jogħġbok ikteb lil: j[email protected].
It-2 Fergħa – Implimentazzjoni tal-Proġett
Din l-iskema toffri lil artisti emerġenti l-possibbiltà li jipproponu proġetti, immexxija minn artisti emerġenti f’dan il-qasam, għall-promozzjoni tat-titjib tal-kwalità tal-ħajja u aċċess kulturali f’kuntesti ta’ kura tas-saħħa jew ta’ kura soċjali.
Din il-fergħa tappoġġja proġetti u/jew programmi li jġibu flimkien professjonisti u organizzazzjonijiet fost is-setturi tal-arti, saħħa, u dawk soċjali bl-għan li tappoġġja proġetti kreattivi ddisinjati sabiex iwettqu benefiċċji tas-saħħa u l-benessri. Il-proġetti jistgħu jinkludu:
- Programmi t’arti parteċipatorja għal persuni li qed jesperjenzaw mard fiżiku u mentali, kif ukoll proġetti ffukati fuq prevenzjoni, f’ambjenti differenti.
- Arti f’ambjenti ta’ kura tas-saħħa, inkluż proġetti ddisinjati sabiex itejbu ambjenti ta’ kura tas-saħħa u jappoġġjaw il-benessri tal-istaff u l-pazjenti.
- Produzzjonijiet f’ambjenti ta’ kura ta’ saħħa: dawn jistgħu jinkludu prestazzjonijiet, installazzjonijiet, u esebizzjonijiet li jappoġġjaw il-benessri ġenerali u jitfgħu dawl fuq kwistjonijiet relatati mas-saħħa.
- Residenzi artistiċi f’ambjenti ta’ kura tas-saħħa jew ta’ kura soċjali.
- Attività ta’ riċerka bbażata fil-prattika.
Il-proġetti se jaraw li jintegraw prattiċi artistiċi ġodda—jew isaħħu programmi eżistenti—fi ħdan komunitajiet lokali u strutturi stabbiliti, sabiex irawmu konnessjonijiet u sostenibbiltà fit-tul. Se jaraw ukoll li jiżviluppaw ix-xogħol tal-artisti emerġenti involuti.
L-entità/organizzazzjoni tal-kura tas-saħħa jew dik soċjali li se tkun qed tissieħeb għal dan il-għan trid tkun ikkuntattja qabel l-istadju tal-applikazzjoni. L-ospitant irid jiffirma ittra t’intenzjoni li trid tiġi sottomessa mal-applikazzjoni. L-organizzazzjoni msieħba ma tistax tkun entità kulturali (oħra), iżda trid speċifikament tkun entità/organizzazzjoni ta’ kura ta’ saħħa jew ta’ kura soċjali.
Fil-każ tat-2 Fergħa, applikazzjonijiet sottomessi jistgħu:
- Jiffurmaw minn proġett/korp ta’ xogħol aktar wiesa’;
- Jkunu proġetti awtonomi;
- Jikkonsistu f’serje ta’ proġetti fi ħdan programm t’attivitajiet
F’konformità mal-istrateġija attwali u mal-impenn tal-KMA biex jappoġġja l-arti, biex jadotta approċċ sostenibbli u kontabbli għall-investiment pubbliku, il-KMA jiġbed l-attenzjoni tal-applikanti għas-segwenti, f’konformità mal-istrateġija attwali tiegħu:
Fl-iżvilupp tal-applikazzjoni tagħhom, l-applikanti huma mitluba sabiex isegwu l-gwida pprovduta fid-Dritt għall-Kultura – Pakkett ta’ Riżorsi, b’enfasi partikolari fir-riwgard tal-involviment tal-komunità u l-addozzjoni t’approċċ ibbażat fuq id-drittijiet fix-xogħol tagħhom. Il-pakkett ta’ riżorsi għandu l-mira li jżid l-għarfien rigward l-inklussività, u biex jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ drittijiet kulturali fil-prattika ta’ kuljum.
Meta jkunu qed jipproponu l-attivatijiet operazzjonali u programmatiċi, l-applikanti għandhom ukoll jikkunsidraw il-Karta tal-Istatus tal-Artist sabiex jiżguraw kundizzjonijiet t’impjieg aċċettabbli u diċenti għall-artisti u prattikanti fis-setturi kulturali u kreattivi, jabbraċċaw il-libertà artistika, aċċessibbiltà, rikonoxximent ta’ ħiliet formali/informali/mhux formali, kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi diċenti, in-nondiskriminazzjoni u ewkità, kunsiderazzjonijiet etiċi, u aderanza mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-liġi tal-impjieg internazzjonali. Il-Karta tal-Istatus tal-Artist hija intiża li tipprovdi qafas ta’ referenza dinamiku għal kwalunkwe leġiżlazzjoni, politika, jew inizjattiva li direttament jew indirettament timpatta l-artisti u s-setturi kulturali u kreattivi, u tiżgura li kwalunkwe azzjoni hija allinjata mal-viżjoni fit-tul aħħarija u cioè dik li jiġi elevat l-istatus tal-artisti f’Malta f’konformità mal-valur tanġibbli tagħhom għas-soċjetà.