We are
Arts Council Malta
Il-Kunsill Malti ghall-Arti (KMA) – li kien magħruf bħala l-Kunsill Malti ghall-Kultura u l-Arti (KMKA) – huwa l-aġenzija nazzjonali għall-iżvilupp u l-investiment fis-setturi kulturali u kreattivi.
Il-Kunsill jimmaniġġja portafoll ta’ finanzjament għas-setturi kulturali u kreattivi permezz tal-programmi ta’ finanzjament nazzjonali tiegħu.
Strateġija 2025 tal-Kunsill Malti għall-Arti, bl-isem “Isma’, Oħloq, Imraħ”, kienet qafas b’viżjoni lejn il-futur li poġġiet id-drittijiet kulturali fiċ-ċentru tagħha. Ibbażata fuq il-Politika Kulturali Nazzjonali ta’ Malta tal-2021 u allinjata ma’ qafas internazzjonali bħall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u r-rakkomandazzjonijiet tal-UNESCO dwar l-Istatus tal-Artist, l-istrateġija timmaġina futur fejn l-arti tkun ċentrali għall-iżvilupp ta’ Malta. Il-viżjoni tagħha hi li “l-arti tkun fil-qalba tal-futur ta’ Malta”, filwaqt li l-missjoni hi li tinvesti fl-espressjoni artistika u kulturali, tappoġġja s-sostenibbiltà tas-settur, u tiżgura li kulħadd ikollu d-dritt jipparteċipa fil-ħajja kulturali. Strumenti ewlenin biex jintlaħqu dawn il-miri kienu l-Karta għall-Istatus tal-Artist u l-kampanja Id-Dritt għall-Kultura.
L-istrateġija hija mibnija fuq sitt oqsma strateġiċi: (1) Investiment Pubbliku, (2) Diversità u Komunitajiet, (3) Edukazzjoni u Żvilupp, (4) Internazzjonalizzazzjoni, (5) Intrapriża Kreattiva u (6) Riċerka u Evalwazzjoni. Kull qasam huwa sostnut minn għanijiet speċifiċi u sett ta’ azzjonijiet maħsuba biex jippromwovu ekosistema kulturali b’saħħitha. Dawn l-oqsma jirriflettu approċċ olistiku għall-politika kulturali li jindirizza kemm il-bżonnijiet tal-artisti kif ukoll dawk tal-komunità fis-sens wiesgħa.
Taħt l-Investiment Pubbliku, il-Kunsill għandu l-għan li jiżgura li l-mekkaniżmi ta’ finanzjament ikunu trasparenti, inklussivi u allinjati mal-ħtiġijiet tas-settur. L-għan hu li jiġu msaħħa ħidmet l-artisti u l-operaturi kulturali permezz ta’ appoġġ finanzjarju sostenibbli. Il-qasam tad-Diversità u Komunitajiet jiffoka fuq li jiżdied l-aċċess għall-arti, speċjalment għal gruppi sottorappreżentati, u li tiġi promossa l-parteċipazzjoni kulturali f’kull reġjun u demografija. L-għan hu li tiġi promossa l-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali permezz ta’ inizjattivi mmexxija mill-komunità.
Il-qasam tal-Edukazzjoni u Żvilupp jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet fl-arti. L-għanijiet jinkludu t-tisħiħ tal-edukazzjoni artistika fl-iskejjel, l-appoġġ għall-iżvilupp professjonali u l-inkoraġġiment tal-kollaborazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi u organizzazzjonijiet kulturali. L-Internazzjonalizzazzjoni tfittex li ssaħħaħ il-preżenza kulturali ta’ Malta globalment, billi tappoġġja l-mobilità, il-kollaborazzjonijiet internazzjonali u d-diplomazija kulturali. Dan il-qasam għandu l-għan li jpoġġi lil Malta bħala attur attiv fix-xena kulturali globali.
Il-ħames qasam, l-Intrapriża Kreattiva, huwa ddedikat biex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol, jippromwovi l-innovazzjoni u jappoġġja l-professjonalizzazzjoni tas-settur. L-għanijiet jinkludu l-indirizzar tal-istatus tal-artist, l-inkoraġġiment tal-intrapriża u l-promozzjoni tal-kollaborazzjoni bejn setturi differenti. Fl-aħħar nett, ir-Riċerka u Evalwazzjoni tiffoka fuq politika bbażata fuq l-evidenza, ġbir ta’ data mtejjeb u komunikazzjoni effettiva tal-proċessi ta’ evalwazzjoni. Dan il-qasam jappoġġja l-implimentazzjoni tal-istrateġija permezz ta’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u analiżi b’saħħithom.
L-istrateġija tiddeskrivi numru ta’ azzjonijiet. Dawn huma maħsuba biex ikunu parteċipattivi, inklussivi u reattivi għall-bżonnijiet li qed jinbidlu tas-settur. Il-Kunsill jenfasizza l-kollaborazzjoni mal-partijiet interessati, inklużi organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi, prattikanti indipendenti u l-pubbliku ġenerali biex jiżgura li l-istrateġija tibqa’ rilevanti u ta’ impatt.
Fil-qosor, Strateġija 2025 ħadet il-forma ta’ mappa dinamika li tibni fuq kisbiet preċedenti filwaqt li tindirizza sfidi kontemporanji u dawk li jistgħu jintlemħu fil-futur. Fost l-akbar sfidi li ġew indirizzati kien hemm ir-restrizzjonijiet soċjali u l-limitazzjonijiet ekonomiċi, kif ukoll l-opportunitajiet diġitali, li ħarġu mill-pandemija tal-COVID-19 u r-risposti differenti għaliha. L-għan tagħha kien li jinħoloq settur kulturali reżiljenti, inklussiv u konness internazzjonalment li jagħti kontribut sinifikanti għall-ġid soċjali, ekonomiku u kulturali ta’ Malta.
Il-perjodu tagħha ta’ bejn l-2020 u l-2025 issa huwa segwit minn Strateġija 2030. L-istrateġija l-ġdida tibni fuq dik ta’ qabel bl-għan li tkompli trawwem azzjoni pożittiva b’viżjoni u enerġija mġedda.
Il-viżjoni tagħna
Irridu li l-arti tkun fil-qalba tal-futur ta’ Malta
Il-missjoni tagħna għall-ħames snin li ġejjin
Immexxi mill-impenn tagħna għad-drittijiet kulturali, ninvestu fl-arti biex insaħħu l-ekoloġija kreattiva u kulturali ta’ Malta.
Prinċipji ta’ gwida
Il-pjanijiet u l-azzjonijiet tagħna biex inwasslu l-viżjoni tagħna u nimplimentaw il-missjoni tagħna huma ggwidati minn 10 prinċipji li għandhom l-għan li:
Fit-12 ta’ Mejju 2015, il-Parlament Malti approva struttura legali ġdida għall-ACM permezz tal-Att 15 tal-2015, li jindika d-dmir tal-ACM li tiżviluppa u tippromwovi s-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta fuq livell nazzjonali u internazzjonali permezz tal-forom kollha ta’ espressjoni kreattiva, kif ukoll li iżid l-aċċess pubbliku għall-arti u l-kultura.
L-għanijiet tal-Kunsill Malti għall-Arti huma li:
Aqra l-Att hawn .
Id-direttorat tal-Affarijiet Korporattivi jipprovdi s-servizzi kollha ta’ appoġġ għall-funzjonament effettiv u effiċjenti tal-Arts Council Malta, l-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi kif ukoll l-Inizjattivi li jaqgħu taħt il-mandat tal-ACM.
Id-Direttorat jiggwida l-kwistjonijiet kollha ta’ akkwist u HR biex jiżgura li l-ħidma tal-Kunsill tkun konformi mal-Politiki u l-Proċeduri tal-Gvern.
Id-Direttorat jaħdem id f’id mal-unitajiet kollha tal-Kunsill biex isegwi t-tkabbir tal-Kunsill u l-kisba tal-istrateġija kulturali tal-pajjiż.
Il-mandat legali tagħna jafda lilna bir-responsabbiltà li nsaħħu l-organizzazzjonijiet elenkati bħala Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi (PCOs). Aħna wkoll mitluba nevalwaw u nissorveljaw l-istrateġiji, l-istimi finanzjarji u r-rekords finanzjarji tal-PCOs. Dan, flimkien ma’ titjib kontinwu fil-metodi ta’ ġbir ta’ data, se jikkontribwixxi għall-bini ta’ bażi ta’ għarfien li tgħin u tinforma lill-PCOs fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom.
Filwaqt li nirrikonoxxu ż-żieda fl-investiment pubbliku fl-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi fuq numru ta’ snin, jeħtieġ li ninvestu l-fondi pubbliċi b’mod responsabbli u effettiv. L-entitajiet kulturali ewlenin ta’ Malta jeħtieġu riżorsi umani u tekniċi akbar biex jindirizzaw ir-rekwiżiti eżiġenti ta’ settur li qed jimxi b’rata mgħaġġla. Se nkunu qed imexxu netwerk tal-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi kollha biex inżidu l-kollaborazzjoni bejn il-PCO u biex naqsmu r-riżorsi u l-kompetenza. Se naħdmu wkoll ma’ kull PCO biex niżviluppaw pjan u strateġija annwali li jirriflettu l-għanijiet u l-miri stabbiliti fl-istrateġija 2020.
Dr. Luke Dalli huwa avukat Malti u mexxej strateġiku b’esperjenza diversa fil-prattika legali, fil-governanza kulturali u fl-amministrazzjoni pubblika. F’Ġunju 2025 nħatar Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti u b’hekk beda kapitlu ġdid fl-impenn fit-tul tiegħu li jappoġġa l-iżvilupp tal-arti u tal-kultura f’Malta.
B’aktar minn għaxar snin esperjenza legali u eżekuttiva, Dr. Dalli kellu rwol kruċjali fit-tiswir tal-qafas legali u operattiv tal-Kunsill Malti għall-Arti. Ingħaqad mal-Kunsill fl-2014 bħala Uffiċjal Legali u iżjed tard serva bħala Uffiċkal Legali taul għaxar snin fejn matulhom mexxa negozjati ta’ kuntratti, issalvagwardja l-interessi istituzzjonali f’każi ta’ litigazzjoni u ta pariri dwar il-konformità regolatorja u l-governanza strateġika. Fl-2024 nħatar Uffiċjal Kap tal-Operazzjonijiet u beda jissorvelja l-finanzi, ir-riżorsi umani, l-akkwisti pubbliċi u l-involviment tal-partijiet interessati. Il-kontributi tiegħu għenu biex jissolidifikaw ir-rwol nazzjonali tal-Kunsill bħala istituzzjoni ċentrali għas-settur tal-arti u l-kultura.
Dr. Dalli huwa wkoll il-Fundatur u s-Sieħeb Maniġerjali ta’ DalliParis Advocates – ditta legali boutique imwaqqfa fl-2017 li tipprovdi konsulenza korporattiva, servizzi ta’ konsulenza regolatorja u appoġġ għal-litigazzjoni lil firxa wiesgħa taż klijenti privati u pubbliċi. L-għarfien espert legali tiegħu jkopri l-liġi ċivili u kummerċjali, l-akkwist pubbliku, il-liġi tal-impjiegi, ir-regolamentazzjoni finanzjarja u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Huwa avukat akkreditat mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali u ċċertifikat fil-liġi Kontra l-Ħasil tal-Flus mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Konformità.
Matul il-karriera tiegħu Dr. Dalli serva f’għadd ta’ karigi konsultattivi u f’bordijiet, fosthom President tal-Fond Ċentrali tal-Kooperattivi, Membru tal-Bord tal-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti u Membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Gvern Lokali. Serva wkoll fi rwoli ta’ governanza fi ħdan l-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta’ Malta fejn ikkontribwixxa għal oqfsa dixxiplinarji u regolatorji fix-xenarju sportiv nazzjonali.
Minbarra x-xogħol legali u amministrattiv tiegħu Dr. Dalli dejjem wera passjoni fl-involviment fil-komunità u fil-kultura. Huwa membru fundatur tal-Lija/Iklin Amateur Football Club u tal-FROLIC Theatre Group. Qabel serva wkoll bħala Direttur tal-Avvenimenti u l-PR ta’ Mdina Knights Football Club. Il-karriera bikrija tiegħu inkludiet rwoli fit-turiżmu edukattiv mal-EF Language Schools fejn ġie rikonoxxut bħala wieħed mill-aqwa 100 Mexxej tal-EF fl-Ewropa.
Dr. Dalli kiseb Dottorat fil-Liġi (LL.D.) mill-Università ta’ Malta fl-2013 wara Diploma fin-Notarjat Pubbliku u Baċellerat fil-Liġi bit-Taljan. Huwa fluwenti fil-Malti, fl-Ingliż, fit-Taljan u fil-Franċiż u għandu ċertifikazzjonijiet avvanzati fl-ICT u fit-teknoloġija legali.
Bħala Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Dr. Dalli jgħaqqad flimkien fehim profond tas-sistemi legali, tal-politika pubblika u tad-dinamika kulturali biex imexxi l-Kunsill fil-fażi li jmiss tiegħu ta’ tkabbir strateġiku, innovazzjoni u kollaborazzjoni internazzjonali.