Numru tal-Permess tal-Jobsplus: 943/2026
Skop Ġenerali tal-Kariga
Il-Kap (Finanzi) se jirrapporta lid-Direttur (Finanzi) u, fejn meħtieġ, lill-Uffiċjal Ewlieni (Operat). Il-persuna li tokkupa l-kariga primarjament se twettaq xogħol ta’ kontabbiltà fi ħdan id-Direttorat tal-Finanzi.
Dmirijiet u Responsabbiltajiet Ewlenin
- Li tassisti fit-tħejjija ta’ jew tikkumpila, kif meħtieġ, għall-Entità l-kontijiet tal-maniġment, il-baġits annwali, il-pjan tan-negozju, ir-rapporti tal-fluss tal-flus, il-PQs, il-VAT, il-preparazzjonijiet għall-awditi, ir-rikonċiljazzjoni tal-kontijiet, ir-rappurtar lill-Gvern u rapporti ad hoc oħra, skont kif assenjat mid-Direttur (Finanzi).
- Li tiżgura li r-rekords tal-kontijiet ikunu kompluti u korretti sal-istadju tal-bilanċ ta’ tqabbil preliminari.
- Li timmonitorja b’mod strett il-Baġit tal-Entità, il-Voti Baġitarji tal-Gvern u l-Kontrolli.
- Li tamministra l-fluss tax-xogħol tad-Dipartiment.
- Li tassisti jew twettaq ir-rikonċiljazzjoni tal-kontijiet bankarji, tal-kontijiet tal-fornituri u ta’ kontijiet oħra fuq bażi kontinwa u fil-ħin, u taġġorna b’mod regolari dwar is-sitwazzjoni tad-debituri u l-kredituri.
- Li ssolvi u tieħu ħsieb mistoqsijiet, tikkomunika deċiżjonijiet u tindirizza kwalunkwe korrispondenza dwar kwistjonijiet finanzjarji, fornituri, debituri u partijiet ikkonċernati oħra marbuta mal-funzjoni tat-taqsima.
- Li tivverifika, tipproċessa, tikkoordina u ddaħħal tranżazzjonijiet, jiġifieri ordnijiet ta’ xiri, fatturi tal-fornituri, depożiti, pagamenti, ħruġ ta’ fatturi, entrati fil-ġurnal, eċċ., fis-sistema tal-kontabbiltà kif meħtieġ, skont l-esiġenzi tal-volum tax-xogħol.
- Li żżomm u taġġorna spreadsheets ta’ Excel u kwalunkwe skeda kif meħtieġ sabiex timmonitorja d-dħul, il-pagamenti, id-depożiti, it-talbiet għall-ħlas mill-voti baġitarji tal-Gvern u l-iżborż tal-fondi, kif ukoll twettaq kwalunkwe dmir ieħor ta’ kontabbiltà bħala parti minn tim u sabiex b’mod ġenerali jiġu osservati skadenzi stretti.
- Li tiżgura li jiġi mmassimizzat kull ġbir tad-dħul u tal-arretrati u li jinżammu kontijiet xierqa ta’ dan.
- Li tamministra, tikkoordina, tipproċessa u Timmonitorja l-voti baġitarji tal-Gvern allokati lill-Kunsill u tieħu ħsieb it-tħejjija relatata ta’ dokumenti u skedi oħra kif meħtieġ, filwaqt li tiżgura li l-fondi allokati mill-Gvern jiġu assorbiti bis-sħiħ.
- Li żżomm rekords xierqa u timmonitorja kontinwament iċ-ċentri tal-ispejjeż tal-entitajiet fir-rigward tal-baġits approvati, b’enfasi fuq il-miri rilevanti tan-nefqa u tad-dħul.
- Li tassisti, timmonitorja u tikkoordina t-tħejjija tal-pagi tal-Kunsill u twettaq kwalunkwe dmir ieħor relatat magħha.
- Li tassisti lill-awdituri esterni tal-Kunsill kif meħtieġ waqt il-preparazzjoni għall-awditu tal-Kunsill.
- Li tiżgura li d-dokumenti finanzjarji kollha jiġu ffajljati kif xieraq u fil-ħin, u tassisti kif meħtieġ.
- Li tabbozza rapporti, denunzji u dokumenti oħra kif meħtieġ minn żmien għal żmien sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti tar-rappurtar lill-maniġment.
- Li sservi bħala l-punt ta’ kuntatt fuq kwistjonijiet finanzjarji u maniġerjali ta’ kuljum bejn id-Direttorati u proġetti/taqsimiet oħra li jaqgħu taħt il-mandat ġenerali tal-Kunsill Malti għall-Arti, il-Ministeri u d-Dipartimenti tal-Gvern, Entitajiet oħra tas-Settur Pubbliku kif ukoll kwalunkwe parti kkonċernata oħra.
- Li tikkomunika mad-Direttur (Finanzi), mat-Taqsimiet tal-Entità u mal-Uffiċjal Ewlieni (Operat) fuq kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-mandat u r-responsabbiltajiet tal-kariga.
- Li tamministra u tikkoordina l-volum tax-xogħol u tiżgura li l-istaff fid-Dipartiment tal-Finanzi u subordinati oħra qegħdin iwettqu dmirijiethom fil-ħin u b’mod sodisfaċenti, filwaqt li tiggwida u tassisti lit-tim kif meħtieġ. Il-Kap (Finanzi) se jkun inkarigat li jiżgura li jitlesta l-ipproċessar kollu u x-xogħol kollu meħtieġ sal-istadju tal-bilanċ ta’ tqabbil preliminari.
- Li tiżgura li l-politiki u l-proċeduri interni u r-regolamenti dwar il-finanzi u l-akkwist fis-seħħ dak iż-żmien jiġu osservati b’mod strett, u li l-fondi pubbliċi kollha li għalihom tkun responsabbli jiġu żborżati u jinżamm rendikont tagħhom kif xieraq.
- Li tabbozza korrispondenza, dokumenti u rapporti kif meħtieġ u twettaq kwalunkwe dmir u proġett oħra kif dirett mid-Direttur (Finanzi), kif ukoll mill-Uffiċjal Ewlieni (Operat) u miċ-Chairman Eżekuttiv, kif meħtieġ minn żmien għal żmien.
- Kwalunkwe dmir ieħor assenjat.
Rekwiżiti ta’ Eliġibbiltà
Sal-ħin u d-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, l-applikanti jridu jkunu:
- ċittadini ta’ Malta; jew
- ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea li għandhom id-dritt għal trattament ugwali għal dak taċ-ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tad-dispożizzjonijiet tat-trattati dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema; jew
- ċittadini ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor li għandhom id-dritt għal trattament ugwali għal dak taċ-ċittadini Maltin fi kwistjonijiet relatati mal-impjieg bis-saħħa tal-applikazzjoni għal dak il-pajjiż tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tad-dispożizzjonijiet tat-trattati dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema; jew
- kwalunkwe persuni oħra li għandhom id-dritt għal trattament ugwali għal dak taċ-ċittadini Maltin fi kwistjonijiet relatati mal-impjieg skont il-liġi jew il-leġiżlazzjoni tal-UE u d-dispożizzjonijiet tat-trattati msemmija hawn fuq, minħabba r-relazzjoni familjari tagħhom ma’ persuni msemmija fil-paragrafi (a), (b) jew (c); jew
- ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ngħataw l-istatus ta’ residenti fit-tul f’Malta taħt ir-regolament 4 tar-“Regolamenti tal-2006 dwar Status ta’ Residenti li Joqogħdu għal Żmien Twil (Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi)” jew li ngħataw permess ta’ residenza taħt ir-regolament 18(3) tagħhom, flimkien mal-qraba ta’ tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ngħataw permess ta’ residenza taħt ir-“Regolamenti tal-2007 dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja”; jew
- fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza maħruġ skont ir-“Regolamenti dwar l-Istatus tar-Residenza taċ-Ċittadini tar-Renju Unit u l-Membri tal-Familja tagħhom skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika”.
Għandu jintalab il-parir tat-Taqsima taċ-Ċittadinanza fi ħdan l-Aġenzija Komunità Malta u tat-Taqsima tal-Espatrijati fi ħdan Identità kif meħtieġ fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq.
Jekk jiġi appuntati kandidati msemmija f’(b), (c), (d) u (e), dawn jeħtieġu permess tax-xogħol sa fejn dan ikun meħtieġ mill-Att dwar l-Immigrazzjoni u l-leġiżlazzjoni sussidjarja. Għandu jiġi kkonsultat il-Jobsplus skont il-bżonn dwar din il-kwistjoni.
U
għandhom ikunu fil-pussess ta’:
- lawrja ta’ Baċellerat rikonoxxuta fil-Kontabbiltà (Accounting) fil-Livell 6 tal-MQF (b’minimu ta’ 180 ECTS) jew kwalifika professjonali rikonoxxuta u komparabbli fil-Kontabbiltà (Accounting) fil-Livell 6 tal-MQF, flimkien ma’ minimu ta’ tliet (3) snin esperjenza fi rwol simili
U
- Għandhom ikunu profiċjenti fil-Malti u fl-Ingliż
- Għandu jkollhom għarfien tas-setturi kulturali u kreattivi u interess fihom
- Għarfien profond tas-software tal-kontabbiltà SAGE, tal-pagi u ta’ Excel
- Kapaċi jaħdmu b’mod eċċellenti f’tim u jikkoordinaw tim
- Kapaċi jieħdu deċiżjonijiet u jaħdmu bi ftit li xejn gwida u superviżjoni
- Għarfien ġenerali tal-proċeduri tal-uffiċċju u ħiliet b’rabta mal-kitba għal skopijiet ta’ negozju
- Ħiliet kbar fl-organizzazzjoni, fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-amministrazzjoni, u attenzjoni għad-dettall
- Ħiliet eċċellenti fil-komunikazzjoni, fir-relazzjonijiet interpersonali u fis-servizz lill-klijenti
- Kapaċità evidenzjata ta’ osservazzjoni u tagħlim ta’ ħiliet ġodda marbuta mal-proċeduri esterni u interni.
- Mentalità kreattiva u kapaċi jaħdmu tajjeb taħt pressjoni, ilestu x-xogħol li jkollhom b’effiċjenza u jlaħħqu ma’ skadenzi stretti
- Impenn lejn is-servizz lill-klijenti u l-immaniġġjar tal-kwalità.
Informazzjoni dwar il-Kuntratt u l-Paga
Il-kandidati magħżula se jidħlu f’kuntratt ta’ impjieg full-time għal żmien indefinit. Il-paga se tikkonsisti minn salarju bażiku ta’ €39,858 fl-2026 (Grad 4 tal-Istruttura tal-Gradi u s-Salarji tal-Kunsill Malti għall-Arti), Bonus skont il-Prestazzjoni sa 15% fis-sena, Allowance tal-Klassi tal-Entità ta’ €3,500 fis-sena, Allowance għall-Komunikazzjoni li tinkludi kollox ta’ €1,600 fis-sena, Allowance għat-Trasport li tinkludi kollox ta’ €1,500 fis-sena, Allowance għal Disturbi sa 15% fis-sena u Allowance għat-Taħriġ ta’ €700 fis-sena.
Barra minn hekk, soġġett għall-eliġibbiltà u skont il-politiki u l-kundizzjonijiet applikabbli tal-Kunsill Malti għall-Arti, il-kandidat magħżul jista’ jikkwalifika wkoll għal Allowance tal-Warrant sa €5,000 fis-sena u/jew Allowance tal-Kwalifiki sa €1,100 fis-sena.
Applikazzjonijiet
L-applikanti interessati huma meħtieġa jibagħtu ittra ta’ motivazzjoni flimkien ma’ CV u kopji taċ-ċertifikati lil [email protected]. Iċ-ċertifikati oriġinali għandhom jiġu ppreżentati waqt l-intervista.
L-applikanti li għandhom kwalifiki barranin huma meħtieġa jipproduċu dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent miċ-Ċentru ta’ Informazzjoni għar-Rikonoxximent tal-Kwalifiki ta’ Malta (MQRIC) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA), li għandha tinkiseb billi titressaq applikazzjoni online għar-rikonoxximent tal-kwalifiki fuq https://services.mfhea.mt/CertificationApplication.aspx. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi mehmuża mal-applikazzjoni u l-oriġinali għandha tiġi ppreżentata waqt l-intervista.
Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija nhar il-Ġimgħa, 20 ta’ Novembru 2026 f’nofsinhar.
L-applikanti eliġibbli se jintalbu jattendu intervista biex jintgħażlu.