Sejħa għal Applikazzjonijiet għall-pożizzjoni ta’ Amministratur Anzjan fil-Kunsill Malti għall-Arti fi ħdan il-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali.

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 15 October 2026

Numru tal-Permess Jobsplus: 867/2026

Għan Ġenerali tal-Pożizzjoni

L-Amministratur Anzjan għandu jirrapporta għand il-Kap (Żvilupp u Operat) kif ukoll, fejn meħtieġ, għand l-Uffiċjal Kap (Operat). Id-detentur tal-kariga għandu primarjament iwettaq dmirijiet ta’ reception iżda wkoll jikkoordina l-posta, il-kunsinni, il-faċilitajiet tal-uffiċċju u s-swali tal-laqgħat.

Dmirijiet u Responsabbiltajiet Prinċipali

Reception u Front Desk

  • Jassisti fit-tmexxija ta’ kuljum tal-area tar-reception.
  • Jiżgura li r-reception tkun dejjem koperta matul il-ħinijiet tax-xogħol.
  • Jgħin fil-preparazzjoni tal-iskedi ta’ kull ġimgħa għar-reception u fl-arranġament ta’ sostituzzjoni fejn meħtieġ.
  • Jilqa’ lill-viżitaturi b’mod professjonali u kordjali.
  • Iwieġeb u jidderieġi telefonati, emails u mistoqsijiet minn viżitaturi.
  • Jappoġġja u jassisti membri ġodda tal-istaff tar-reception biex jitgħallmu l-proċeduri tal-uffiċċju u l-istandards tas-servizz lill-klijent.

    Faċilitajiet tal-Uffiċċju u Swali tal-Laqgħat
  • Jgħin biex iżomm l-ispazji komuni tal-uffiċċju, iż-żoni ta’ stennija, il-kċejjen u s-swali tal-laqgħat nodfa, organizzati u rappreżentabbli.
  • Jikkoordina mal-ħaddiema tal-manutenzjoni, tekniċi u fornituri oħra tas-servizzi meta jkun meħtieġ.
  • Jamministra l-prenotazzjonijiet tas-swali tal-laqgħat u spazji kondiviżi tal-uffiċċju.
  • Iħejji s-swali tal-laqgħat qabel il-laqgħat billi jorganizza l-postijiet bilqiegħda, it-tagħmir u l-ikel u x-xorb fejn ikun meħtieġ.
  • Jgħin biex jiġu solvuti kunflitti fil-prenotazzjonijiet u jiżgura li l-ispazji tal-laqgħat jintużaw b’mod effiċjenti.
     
    Posta, Kunsinni u Provvisti tal-Uffiċċju
  • Jirċievi, jissortja u jqassam il-posta, il-kunsinni u pakketti ta’ kurrier li jaslu.
  • Iħejji u jorganizza l-posta li tintbagħat u l-ġbir tal-kurrier.
  • Jiżgura li dokumenti kunfidenzjali jiġu trattati b’attenzjoni u mgħoddija lid-dipartiment korrett.
  • Jimmonitorja l-provvisti tal-uffiċċju u oġġetti tal-kċina, u jagħmel ordnijiet meta l-istokk ikun qed jonqos.
  • Iżomm rekords bażiċi tal-istokk u jiżgura li l-provvisti jkunu disponibbli meta meħtieġa.

    Appoġġ Amministrattiv
  • Jidderieġi mistoqsijiet lejn id-dipartiment jew il-membru tal-istaff xieraq.
  • Jipprovdi assistenza amministrattiva ġenerali lil timijiet differenti fi ħdan l-entita.
  • Jassisti fl-organizzazzjoni ta’ laqgħat, avvenimenti, konferenzi tal-aħbarijiet u attivitajiet oħra organizzati fl-uffiċċju.
  • Iżomm u jaġġorna sistemi ta’ arkivjar kemm fiżiċi kif ukoll elettroniċi.
  • Jiżgura li r-rekords jiġu arkivjati b’mod korrett u jinżammu kunfidenzjali.

    Responsabbiltajiet Oħra
  • Iwettaq kwalunkwe dmir ieħor raġonevoli relatat mal-kariga kif jista’ jintalab mill-maniġment.

Rekwiżiti ta’ Eliġibbiltà

Sal-ħin u d-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, l-applikanti għandhom  ikunu:

  1. ċittadini ta’ Malta; jew
  2. ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea li għandhom dritt għal trattament ugwali bħaċ-ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tad-dispożizzjonijiet tat-trattati li jittrattaw il-moviment liberu tal-ħaddiema; jew
  3. ċittadini ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor li għandhom dritt għal trattament ugwali bħaċ-ċittadini Maltin fi kwistjonijiet relatati mal-impjieg bis-saħħa tal-applikazzjoni għal dak il-pajjiż tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tad-dispożizzjonijiet tat-trattati li jittrattaw il-moviment liberu tal-ħaddiema; jew
  4. kwalunkwe persuni oħra li għandhom dritt għal trattament ugwali bħaċ-ċittadini Maltin fi kwistjonijiet relatati mal-impjieg skont il-liġi jew il-leġiżlazzjoni tal-UE u tad-dispożizzjonijiet tat-trattati msemmija hawn fuq, minħabba r-relazzjoni familjali tagħhom ma’ persuni msemmija fil-paragrafu (a), (b) jew (c); jew
  5. ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ngħataw status ta’ residenti tul żmien twil f’Malta skont ir-regolament 4 tar-‘Regolamenti dwar Status ta’ Residenti li Joqogħdu għal Żmien Twil (Ċitttadini ta’ Pajjiżi Terzi)’ jew li ngħataw permess ta’ residenza skont ir-regolament 18(3) tagħhom, flimkien mal-membri tal-familja ta’ dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ngħataw permess ta’ residenza skont ir-‘Regolamenti dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familji, 2007’; jew
  6. fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza maħruġ skont it-termini tal-“Regolamenti dwar l-Istatus tar-Residenza taċ-Cittadini tar-Renju Unit u l-Membri tal-Familja Tagħhom skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda Ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika”.

Għandu jintalab il-parir tat-Taqsima taċ-Ċittadinanza fi ħdan l-Aġenzija Komunità Malta u l-Unità tal-Espatrijati fi ħdan Identità kif meħtieġ fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq.

Il-ħatra tal-kandidati msemmija f’(b), (c), (d) u (e) hawn fuq teħtieġ il-ħruġ ta’ liċenzja tax-xogħol safejn dan ikun meħtieġ mill-Att dwar l-Immigrazzjoni u l-leġiżlazzjoni sussidjarja. Jobsplus għandha tiġi kkonsultata kif meħtieġ dwar din il-kwistjoni.

U

kapaċi jikkomunikaw kemm bil-lingwa Maltija kif ukoll bl-Ingliż sabiex iwettqu b’mod suffiċjenti u adegwat id-dmirijiet li japplikaw għalihom.

U

għandu jkollhom:

  • kwalifika rrikonoxxuta fil-Livell 5 tal-MQF fl-Amministrazzjoni tan-Negozju, Amministrazzjoni Pubblika, Management, Procurement, Finanzi, Kummerċ, Riżorsi Umani jew oqsma rilevanti oħra, flimkien ma’ sentejn (2) esperjenza ta’ xogħol rilevanti;

JEW

  • Kwalifika post-sekondarja fil-Livell 4 tal-MQF jew kwalifika kumparabbli xierqa u rrikonoxxuta fil-procurement, amministrazzjoni, ġestjoni tal-uffiċċju, appoġġ finanzjarju jew oqsma rilevanti oħra, flimkien ma’ erba’ (4) snin esperjenza ta’ xogħol rilevanti.

U GĦANDHOM IKOLLHOM

  • Ċertifikat tal-ICDL
  • Ħiliet ta’ komunikazzjoni eċċellenti;
  • Kapaċità tajba ħafna fil-lingwa Maltija u dik Ingliża;
  • Ħiliet organizzattivi b’saħħithom u kapaċità li jimmaniġġjaw diversi kompiti fl-istess ħin;
  • Livell għoli ta’ professjonalità u kunfidenzjalità;
  • Ħiliet interpersonali u ta’ servizz lill-klijent eċċellenti;
  • Kapaċità li jaħdmu b’mod awtonomu bi ftit jew mingħajr superviżjoni.

Informazzjoni dwar il-Kuntratt u s-Salarju

Il-kandidati magħżula jidħlu f’kuntratt ta’ impjieg full-time fuq bażi indefinita. Is-salarju mħallas ikun salarju bażiku ta’ €24,675 fl-2026 (Grad 8a tal-Istruttura tal-Gradi u s-Salarji tal-Kunsill Malti għall-Arti) u Allowance tal-Klassi tal-Entità ta’ €850 fis-sena.

Applikazzjonijiet

L-applikanti interessati għandhom jibagħtu ittra ta’ motivazzjoni flimkien ma’ CV u kopji taċ-ċertifikati fuq [email protected].

Applikanti bi kwalifiki barranin għandhom jipproduċu dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent mill-Malta Qualifications Recognition Information Centre (MQRIC) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA). Dawn għandhom jinksibu permezz ta’ applikazzjoni online għar-rikonoxximent tal-kwalifiki fuq https://services.mfhea.mt/CertificationApplication.aspx. Din id-dikjarazzjoni għandha tkun mehmuża mal-applikazzjoni u l-oriġinali għandha tiġi ppreżentata waqt l-intervista.

L-iskadenza għall-applikazzjonijiet tagħlaq fit-30 ta’ Ottubru 2026 f’nofsinhar.

L-applikanti eliġibbli jintalbu jattendu intervista ta’ selezzjoni.