Numru tal-Permess ta’ Jobsplus: 766/2026
Għan Ġenerali tal-Pożizzjoni
L-Amministratur għandu jirrapporta għand il-Kap (Żvilupp u Operazzjonijiet) u, fejn meħtieġ, lill-Uffiċjal Kap (Operazzjonijiet). Id-detentur tal-kariga għandu jikkordina l-funzjonijiet tal-akkwist pubbliku u dawk amministrattivi filwaqt illi jiżgura wkoll konformità mal-leġiżlazzjoni tal-akkwist pubbliku, tal-governanza soda, l-effiċjenza operazzjonali u l-appoġġ effettiv għat-twettiq tal-objettivi strateġiċi tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Dmirijiet u Responsabbiltajiet Prinċipali
- Jikkordina u jamministra l-proċessi tal-akkwist pubbliku skont ir-Regolamenti tal-Akkwist Pubbliku, il-politiki tal-Gvern dwar l-akkwist pubbliku u l-proċeduri tal-Kunsill Malti għall-Arti.
- Iħejji u jiġġestixxi t-talbiet għall-akkwist pubbliku matul iċ-ċiklu sħiħ tagħhom.
- Jikkollabora mad-dipartimenti interni biex jidentifika r-rekwiżiti tal-akkwist pubbliku u jassisti fit-tfassil ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku xierqa.
- Jimmonitorja l-pjanijiet tal-akkwist pubbliku, l-iskedi taż-żmien, l-implimentazzjoni tal-kuntratti u l-prestazzjoni tal-fornituri.
- Jagħti appoġġ amministrattiv lill-kumitati ta’ evalwazzjoni u jiżgura proċessi ta’ akkwist pubbliku trasparenti, jabbozza rapporti u dokumentazzjoni ta’ appoġġ, skont kif ikun meħtieġ.
- Iżomm ir-rekords tal-akkwist pubbliku u jiżgura l-prontezza u l-konformità tal-awditjar.
- Jappoġġa l-amministrazzjoni ta’ kuntratti, ftehimiet dwar servizzi u dokumentazzjoni oħra relatata mal-akkwist pubbliku għal ipproċessar ulterjuri minn uffiċjali legali.
- Jgħin fil-kordinazzjoni tas-servizzi amministrattivi, tal-operazzjonijiet tal-uffiċċju u tal-ġestjoni tar-riżorsi.
- Iżomm u jaġġorna s-sistemi tal-arkivjar fiżiċi u elettroniċi filwaqt illi jiżgura li r-rekords ikunu preċiżi, aċċessibbli u konformi mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data u taż-żamma tad-dokumenti.
- Iżomm kuntatt mad-dipartimenti interni, l-entitajiet governattivi, il-fornituri, il-fornituri tas-servizzi u l-partijiet interessati esterni, skont kif ikun meħtieġ.
- Jassisti fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ proċeduri amministrattivi u ta’ sistemi tal-uffiċċju biex ittejjeb l-effiċjenza.
- Iżomm reġistri, bażijiet tad-data u rekords amministrattivi filwaqt illi jiżgura li l-informazzjoni tkun tabilħaqq aġġornata u preċiża.
- Jiżgura ġestjoni xierqa tal-faċilitajiet tal-uffiċċju u jikkordina t-talbiet għal manutenzjoni mal-fornituri tas-servizzi.
- Iwettaq kwalunkwe dmir ieħor assenjat mill-Kap (Żvilupp u Operazzjonijiet), l-Uffiċjal Kap (Operazzjonijiet) jew miċ-Chairperson Eżekuttiv.
Rekwiżiti ta’ Eliġibbiltà
Sal-ħin u d-data tal-għeluq tal-iskadenza ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet l-applikanti jridu jkunu:
- ċittadini ta’ Malta; jew
- ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea li għandhom dritt għal trattament ugwali bħaċ-ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tad-dispożizzjonijiet tat-trattati li jittrattaw il-moviment liberu tal-ħaddiema; jew
- ċittadini ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor li għandhom dritt għal trattament ugwali bħaċ-ċittadini Maltin fi kwistjonijiet relatati mal-impjieg bis-saħħa tal-applikazzjoni għal dak il-pajjiż tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tad-dispożizzjonijiet tat-trattati li jittrattaw il-moviment liberu tal-ħaddiema; jew
- kwalunkwe persuni oħra li għandhom dritt għal trattament ugwali bħaċ-ċittadini Maltin fi kwistjonijiet relatati mal-impjieg skont il-liġi jew il-leġiżlazzjoni tal-UE u tad-dispożizzjonijiet tat-trattati msemmija hawn fuq, minħabba r-relazzjoni familjali tagħhom ma’ persuni msemmija fil-paragrafu (a), (b) jew (c); jew
- ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ngħataw status ta’ residenti tul żmien twil f’Malta skont ir-regolament 4 tar-‘Regolamenti dwar Status ta’ Residenti li Joqogħdu għal Żmien Twil (Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi)’ jew li ngħataw permess ta’ residenza skont ir-regolament 18(3) tagħhom, flimkien mal-membri tal-familja ta’ dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ngħataw permess ta’ residenza skont ir-‘Regolamenti dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familji, 2007’; jew
- fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza maħruġ skont it-termini tar-“Regolamenti dwar l-Istatus tar-Residenza taċ-Ċittadini tar-Renju Unit u l-Membri tal-Familja Tagħhom skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika”.
Għandu jintalab il-parir tat-Taqsima taċ-Ċittadinanza fi ħdan l-Aġenzija Komunità Malta u l-Unità tal-Espatrijati fi ħdan Identità kif meħtieġ fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq.
Il-ħatra tal-kandidati msemmija f’(b), (c), (d) u (e) hawn fuq teħtieġ il-ħruġ ta’ liċenzja tax-xogħol safejn dan ikun meħtieġ mill-Att dwar l-Immigrazzjoni u l-leġiżlazzjoni sussidjarja. Jobsplus għandha tiġi kkonsultata kif meħtieġ dwar din il-kwistjoni.
U
kapaċi jikkomunikaw kemm bil-lingwa Maltija kif ukoll bl-Ingliż sabiex iwettqu b’mod suffiċjenti u adegwat id-dmirijiet li japplikaw għalihom.
U
għandu jkollhom:
- kwalifika rrikonoxxuta fil-Livell 5 tal-MQF fl-Amministrazzjoni tan-Negozju, l-Amministrazzjoni Pubblika, il-Maniġment, l-Akkwist Pubbliku, il-Finanzi, il-Kummerċ, ir-Riżorsi Umani jew qasam rilevanti ieħor
JEW
- Kwalifika postsekondarja fil-Livell 4 tal-MQF jew kwalifika kumparabbli xierqa u rikonoxxuta fl-akkwist pubbliku, l-amministrazzjoni, il-ġestjoni tal-uffiċċju, l-appoġġ finanzjarju jew oqsma rilevanti oħra, flimkien ma’ sentejn (2) esperjenza ta’ xogħol rilevanti
- Esperjenza fis-servizz/settur pubbliku jew entità pubblika titqies bħala vantaġġ.
U GĦANDU JKOLLHOM
- Ċertifikat tal-ICDL
- Ħiliet qawwija fl-organizzazzjoni u fl-ippjanar.
- Ħiliet eċċellenti fil-komunikazzjoni miktuba u verbali.
- Ħiliet fil-ħsieb analitiku u attenzjoni għad-dettall.
- Integrità u professjonaliżmu.
- Il-ħila li jaħdmu b’mod indipendenti u f’timijiet multidixxiplinari.
- Profiċjenza fl-applikazzjonijiet tal-Microsoft Office.
Informazzjoni dwar il-Kuntratt u s-Salarju
Il-kandidati magħżula jidħlu f’kuntratt ta’ impjieg full-time fuq bażi indefinita. Is-salarju mħallas ikun salarju bażiku ta’ €22,654 fl-2026 (Grad 8b tal-Istruttura tal-Gradi u s-Salarji tal-Kunsill Malti għall-Arti) u Allowance tal-Klassi tal-Entità ta’ €850 fis-sena.
Applikazzjonijiet
L-applikanti interessati għandhom jibagħtu ittra ta’ motivazzjoni flimkien ma’ CV u kopji taċ-ċertifikati fuq [email protected].
Applikanti bi kwalifiki barranin għandhom jipproduċu dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent mill-Malta Qualifications Recognition Information Centre (MQRIC) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA). Dawn għandhom jinksibu permezz ta’ applikazzjoni online għar-rikonoxximent tal-kwalifiki fuq https://services.mfhea.mt/CertificationApplication.aspx. Din id-dikjarazzjoni għandha tkun mehmuża mal-applikazzjoni u l-oriġinali għandha tiġi ppreżentata waqt l-intervista.
Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija l-Ġimgħa 25 ta’ Settembru 2026 f’nofsinhar.
L-applikanti eliġibbli jintalbu jattendu intervista ta’ selezzjoni.