Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) u l-Kunsill Malti għall-Arti (KMA) b’mod kunġunt qed iħabbru sejħa għas-sottomissjoni/proposta ta’ touring ta’ proġetti artistiċi u kulturali mmirati lejn it-tfal u studenti li għandhom bejn 3-6 snin (gradi K1 – 3 snin, K2 – 4 snin, Y1 – 5 snin, Y2 – 6 snin). L-attivitajiet għandhom isiru tul is-sena skolastika 2026/2027.
L-għan ta’ din is-sejħa hu li jawtorizza lill-prattikanti kreattivi biex jiġġeneraw xogħlijiet li jiġbdu l-attenzjoni, biex jiġġeneraw xogħlijiet kreattivi, innovattivi u oriġinali, kif ukoll xogħlijiet t’arti diġà eżistenti għal udjenzi f’dawn il-kategoriji tal-etajiet, u biex jipprovdi t-tfal bl-opportunità li jesperjenzaw żewġ attivitajiet bħala estenzjoni għall-edukazzjoni formali tagħhom.
L-objettivi tal-għotja huma li jipprovdu lil kull tifel u tifla u kull student b’esperjenzi kulturali diversi f’firxa differenti ta’ ġeneri u stili, li jippermettu l-iżvilupp edukattiv għall-istudenti li jattendu Klabb 3-16, u li jinkoraġixxu l-kollaborazzjoni bejn is-setturi edukattivi u kulturali. F’konformità mal-Istrateġija 2030, din l-inizjattiva se tappoġġa liż-żgħar u liż-żgħażagħ biex jipparteċipaw f’attivitajiet kulturali u artistiċi filwaqt li trawwem udjenzi ġodda u b’hekk, tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tas-setturi kulturali u kreattivi.
Permezz ta’ din l-għotja, l-istudenti ta’ Klabb 3-16 li għandhom bejn 3 u 6 snin se jingħataw l-opportunità li jesperjenzaw tal-inqas sitt produzzjonijiet artistiċi differenti tul is-sena skolastika li ġew prodotti minn professjonisti kreattivi permezz ta’ programm ikkurat ta’ mill-inqas sitt sessjonijiet. Il-programm se jkun magħmul minn proġetti li ntgħażlu wara li jkunu għaddew minn proċess rigoruż ta’ evalwazzjoni wara li tkun saret sejħa miftuħa għall-applikazzjonijiet. Se jintgħażlu minimu ta’ ħames proġetti u kull proġett se jiġi offrut baġit ta’ massimu għaxart elef (10,000) ewro.
L-objettivi tal-għotja huma li:
- jipprovdu lit-tfal u l-istudenti li jattendu Klabb 3-16 b’esperjenzi professjonali kulturali u artistiċi tal-ogħla kwalità;
- jippermettu l-istudenti biex jipparteċipaw f’ħiliet u suġġetti li huma rilevanti għall-grupp tal-età tagħhom permezz tal-arti;
- jħeġġu lill-prattikanti kreattivi biex joħolqu u jiżviluppaw xogħlijiet tal-arti ġodda għal udjenzi żgħar u jwessgħu l-kapaċità tal-ipprogrammar fuq perjodi itwal ta’ żmien bl-iskop li jrawmu kuxjenza dwar l-arti fost it-tfal.
Rekwiżiti f’konformità mal-Istrateġija attwali tal-Kunsill Malti għall-Arti
F’konformità mal-impenn tiegħu li jappoġġa l-arti permezz tal-approċċ sostenibbli u responsabbli tiegħu lejn l-investiment pubbliku, il-KMA jiġbed l-attenzjoni tal-applikanti għal li ġej, skont l-Istrateġija 2030 tiegħu.
L-applikanti huma meħtieġa jqisu l-Pakkett tar-Riżorsi – Dritt għall-Kultura meta jiżviluppaw il-proposta tagħhom dwar kif se jinvolvu ruħhom mal-komunitajiet, kif ukoll kif se jqisu d-drittijiet kulturali ta’ kulħadd fix-xogħol tagħhom. L-għan tal-pakkett tar-riżorsi hu li jżid l-għarfien dwar l-inklussività u dwar kif għandna nappoġġjaw l-implimentazzjoni tad-drittijiet kulturali fil-prattika tagħna ta’ kuljum.
L-applikanti huma meħtieġa jikkunsidraw ukoll il-Karta għall-Istatus tal-Artist meta jipproponu l-attivitajiet operattivi u tal-programmazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ta’ xogħol diċenti għall-artisti u għall-prattikanti kreattivi. Il-Karta tħaddan il-libertà artistika, l-aċċessibbiltà, l-għarfien ta’ ħiliet formali/informali/mhux formali, kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi diċenti, in-nondiskriminazzjoni u l-ekwità, kunsiderazzjonijiet etiċi u l-aderanza ma’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-liġi tax-xogħol internazzjonali. Il-Karta għall-Istatus tal-Artist hija maħsuba biex tipprovdi qafas ta’ riferenza dinamiku għal kwalunkwe leġislazzjoni, politika jew inizjattiva li għandha impatt dirett jew indirett fuq l-artisti u s-setturi kulturali u kreattivi, filwaqt li tiżgura li kwalunkwe azzjoni tkun allinjata mal-viżjoni aħħarija fit-tul li jiġi elevat l-istatus tal-artisti f’Malta skont il-valur tanġibbli tagħhom lejn is-soċjetà.