Sejħa għal Servizz

Artwork title, Artist name, YYYY

Published on 6 February 2026

Amministratur tal-Appoġġ (Finanzjament) fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti

Deskrizzjoni tas-Servizz

Il-Kunsill Malti għall-Arti qiegħed ifittex biex jingaġġa s-servizzi t’individwu bħala Amministratur tal-Appoġġ sabiex jaħdem fil-qrib mat-Tim ta’ Finanzjament tal-Kunsill. L-Amministratur tal-Appoġġ se jassisti lid-Direttur (Finanzjament) u l-Kap (Finanzjament) fl-amministrazzjoni tal-portafoll ta’ finanzjament tal-KMA.

Id-Dmirijiet u r-Responsabbiltajiet Ewlenin

  • Tassisti lit-tim ta’ finanzjament permezz ta’ kompiti amministrattivi, li jinkludu li tirċievi u tirrikonoxxi emails;
  • Tiskenja u tissejvja d-dokumenti fid-drive;
  • Taġġorna l-files u d-drive regolarment bid-dokumentazzjoni neċessarja;
  • Tmantni l-files u d-drive b’mod organizzat u taċċerta li jkunu disponibbli meta mitluba;
  • Tassisti l-Kap tal-Finanzjament fil-proċess tan-notifkazzjoni tar-riżultati, fil-preparazzjoni t’ittri ta’ notifika, fil-preparazzjoni ta’ formoli ta’ rispons, u l-preparazzjoni ta’ talbiet għal akkwist;
  • Regolarment taġġorna d-dokumentazzjoni u s-sistema tal-moniteraġġ bl-aġġornamenti neċessarji;
  • Tevalwa rapporti finali u tiżgura konformità mal-linji gwida u regolamenti;
  • Tkun vuċi għall-entità u tiżgura li relazzjonijiet tajba jiġu miżmuma mal-partijiet u l-kollaboraturi kollha;
  • Tiżgura li t-telefonati u l-emails kollha jiġu mwieġba f’waqthom u jiġu rreġistrati kif xieraq;
  • Tiżgura li l-klijenti, fornituri, u partijiet interessati li jikkuntattjaw lill-Kunsill Malti għall-Arti rigward materja relatata mal-finanzjament jiġu trattati b’mod professjonali u effiċjenti;
  • Tikkordina ma’ dipartimenti oħra skont il-bżonn;
  • Tiżgura l-kunfidenzjalità, l-aċċessibbiltà, u s-sigurtà tad-dokumentazzjoni kollha;
  • Tassisti, tikkompila, tirrevedi, u tivverifika talbiet minn entrati f’linja u rappurtaġ ieħor;
  • Tassisti f’kwalunkwe dmirijiet oħra skont kif mitlub mid-Direttur (Finanzjament) u l-Maniġment Anzjan;
  • Twettaq dmirijiet oħra skont kif dawn ikunu assenjati minn żmien għall-ieħor.

Dmirijiet Oħra hekk kif Assenjati

Id-deskrizzjoni tal-impjieg mhijiex neċessarjament lista eżawrenti ta’ dmirijiet iżda hija intenzjonata sabiex tirrifletti l-firxa ta’ dmirijiet li Amministratur tal-Apoġġ mistenni jwettaq. Id-deskrizzjoni tal-impjieg tista’ tiġi riveduta regolarment u tista’ tinbidel fid-dawl tal-esperjenza u f’konsultazzjoni mal-Amministratur tal-Appoġġ.

Il-fornitur tas-servizzi magħżul se jkollu jaħdem 40 siegħa fil-ġimgħa, u jkun ibbażat fil-Kunsill Malti għall-Arti. Hu/hi se jkollu sigħat ta’ xogħol flessibbli u se jkun jista’ jipprovdi s-servizzi tiegħu waqt ħinijiet mhux skedati jew mhux normali, skont l-esiġenzi tax-xogħol.

Kwalifikazzjonijiet, Ħiliet, u Esperjenza Neċessarji

Sad-data tal-applikazzjoni, l-applikant irid ikun fil-pussess tal-kwalifikazzjonijiet u l-esperjenza segwenti bħala minimu:

  • Ċertifikat tat-tmiem tal-iskola
  • O’level tal-Ingliż
  • O’level tal-Malti
  • O’level tal-Matematika
  • Profiċjenti fil-Malti u l-Ingliż
  • Għarfien ġenerali tal-proċeduri tal-uffiċċju
  • Ħiliet organizzattivi u amministrattivi b’saħħithom u attenzjoni għad-dettall
  • Ħiliet interpersonali u tas-servizzi tal-klijenti eċċellenti;
  • L-abbiltà li jaħdem taħt pressjoni u jwettaq diversi kompiti simultanjament u li juża approċċ ta’ tim biex isolvi problemi skont il-bżonn
  • Ir-rieda li jitgħallem sabiex jespandi l-għarfien tiegħu/tagħha
  • L-abbiltà li jaħdem b’mod awtonomu bi ftit jew mingħajr superviżjoni

Informazzjoni dwar Kuntratt u Salarju

Il-kandidati magħżula se jingħataw kuntratt ta’ servizz ta’ tliet (3) snin, bil-possibbiltà li dan jiġġedded għal perjodu ulterjuri, skont il-prestazzjoni tiegħu/tagħha.

Ikun iwieġeb lid-Direttur (Finanzjament) u Kap (Finanzjament) tal-Kunsill Malti għall-Arti u jopera b’sigħat flessibbli sabiex ilaħħaq mat-talbiet u r-rekwiżiti tal-pożizzjoni, u l-kandidat magħżul se jkun mistenni jaħdem fi ħdan ir-regoli u r-regolamenti tas-Servizz Pubbliku ta’ Malta.

Ir-remunerazzjoni hija dik ta’ EUR25,000 (eskluż il-VAT iżda inkluż kwalunkwe taxxi u miżati oħra) fis-sena għal 40 siegħa fil-ġimgħa.

Il-pagamenti se jkun ipproċessati kull xahar mill-Kunsill Malti għall-Arti malli dan jirċievi rċevuta ta’ fattura b’numru validu tal-VAT.

Eliġibbiltà

Sal-ħin u d-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, l-applikanti jridu jkunu:

(a) ċittadini ta’ Malta; jew

b) ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea li huma intitolati għal trattament ugwali bħal ċittadini Malti f’kwistjonijiet t’impjieg bis-saħħa ta’ leġizlazzjoni tal-UE jew proviżjonijiet tat-trattat li jittrattaw il-moviment ħieles tal-ħaddiema; jew

ċ) ċittadini ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor li huma intitolati għal trattament ugwali bħal ċittadini Maltin f’kwistjonijiet relatati mal-impjieg bis-saħħa tal-applikazzjoni ta’ dak il-pajjiż ta’ leġiżlazzjoni tal-UE u proviżjonijiet tat-trattat li jittrattaw il-moviment ħieles tal-ħaddiema; jew

d) kwalunkwe persuni oħra li huma intitolati għal trattament ugwali bħal ċittadini Maltin f’kwistjonijiet relatati mal-impjieg ai termini tal-liġi jew il-leġiżlazzjoni tal-UE u proviżjonijiet tat-trattat hawn fuq imsemmija, abbażi tar-relazzjoni tal-familja tagħhom ma’ persuni indikati f’paragrafi (a), (b), jew (ċ); jew

(e) ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ngħataw status ta’ resident fit-tul f’Malta taħt ir-regolament 4 ta’ “Status of Long-Term Residents (Third Country Nationals) Regulations, 2006”, jew li ngħataw permess ta’ residenza taħt regolament 18(3) tal-istess, flimkien ma’ membri tal-familja tal-istess ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ngħataw permess ta’ residenza taħt il-“Family Reunification Regulations, 2007”; jew

(f) persuni fil-pussess ta’ dokument tar-residenza maħruġ ai termini tar-Residence Status of United Kingdom Nationals and their Family Members in Malta f’konformità mal-Ftehim tal-Irtirar tar-Renju Unit u l-Irlanda ta’ Fuq mir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

Il-parir tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u Affarijiet tal-Espatrijati fi ħdan l-aġenzija Identità Malta għandu jiġi miksub skont il-bżonn fl-interpretazzjoni ta’ dawn il-proviżjonijiet t’hawn fuq.

Il-ħatra tal-kandidati riferuta f’punti (b), (ċ), (d), (e), u (f) hawn fuq tkun tinneċessita l-ħruġ ta’ liċenzja tal-impjieg skont kif mitlub mill-Att tal-Immigrazzjoni u leġislazzjoni sussidjarja. Jobsplus għandu jiġi kkonsultat skont il-bżonn fuq din il-kwistjoni.

Kif tapplika

Applikanti interessati għandhom jibagħtu ittra ta’ motivazzjoni flimkien ma’ CV u kopji taċ-ċertifikati lil: [email protected].

Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija l-Ġimgħa, l-20 ta’ Frar 2026, f’nofsinhar.

Applikanti eliġibbli se jintalbu jattendu intervista ta’ selezzjoni.

Skip to content