Titolu tal-Arti, Isem tal-Artist, SSSS

Skema għar-Riċerka u l-Iżvilupp Artistiku

Invalid deadline format: March 17, 2026 12:00 pm

Skadenza

L-iskadenza biex tapplika hija March 17, 2026 fi

12:00 pm.

Applikazzjonijiet tardivi mhux se jiġu aċċettati

L-Iskema għar-Riċerka u l-Iżvilupp Artistiku hija waħda mill-għodod tal-Kunsill Malti għall-Arti li tippermetti lil individwi, gruppi u organizzazzjonijiet jirriċerkaw, jippjanaw, jiżviluppaw, u jwettqu l-għanijiet strateġiċi u l-istrateġija kontinwa tal-Kunsill. Permezz tal-appoġġ lejn ir-riċerka u l-iżvilupp tagħhom stess għandhom jidentifikaw il-professjonisti u l-komunitajiet kreattivi fil-mira tagħhom filwaqt li:

  • Jrawmu l-potenzjal kreattivi tagħhom u jappoġġjaw l-iżvilupp tagħhom, billi jħeġġu l-ħolqien konġunt, il-kollaborazzjoni u l-esperimentazzjoni.
  • Jinvestu fl-eċċellenza artistika, billi jħeġġu livelli ta’ riskju kreattiv, esperimentazzjoni, u l-involviment attiv tal-komunitajiet. Dan għandu jsir billi jappoġġjaw proġetti ta’ kwalità, kif ukoll jidentifikaw it-talent u jħeġġu l-iżvilupp tiegħu.
  • Jiddokumentaw u jwettqu riċerka dwar il-komunitajiet artistiċi u kulturali Maltin tal-imgħoddi u tal-preżent, kif ukoll jikkunsidraw u jesploraw il-wirt artistiku ta’ Malta.

L-iskema tifforma parti mill-iskemi ta’ finanzjament tal-Kunsill Malti għall-Arti mfassla biex jinvestu fi proġetti esploratorji li jippermettu lil professjonisti u komunitajiet kreattivi jesperimentaw, jittestjaw xogħolhom, jinvolvu lil sħabhom, ikunu rappreżentati b’mod xieraq fi kwistjonijiet ta’ politika u strateġija, irawmu l-kollaborazzjoni, u jiżviluppaw aktar l-ideat tagħhom. L-applikazzjonijiet imressqa jistgħu jkunu parti mill-fażi inizjali ta’ proġett/korp ta’ xogħol usa’ jew ikunu proposti awtonomi.

Din l-iskema se tiffoka fuq żewġ oqsma ewlenin. Fil-proġetti tagħhom, l-applikanti jistgħu jagħżlu li jiffukaw fuq wieħed minn dawn l-oqsma jew fuq it-tnejn li huma:

  1. Il-prattika artistika

    -Riċerka f’kunċetti, tekniki, u suġġetti artistiċi
    – Riċerka esploratorja li tadotta approċċi innovattivi jew mhux ittestjati tul il-konċepiment, il-ħolqien u l-iżvilupp tax-xogħol artistiku
    – Riċerka dwar il-komunitajiet artistiċi ta’ Malta, bil-ħsieb li tiddokumenta l-wirt artistiku ta’ Malta b’mod miftuħ, inklużiv u sostenibbli.

2. L-involviment tal-komunità u tal-udjenza

– L-esplorazzjoni ta’ approċċi parteċipattivi għall-involviment tal-udjenza sabiex dak li jkun japprofondixxi l-involviment ma’ udjenzi eżistenti jew ġodda
– L-esperimentazzjoni b’metodi innovattivi ta’ involviment empiriku mal-udjenzi
– Riċerka dwar modi kif ittejjeb l-aċċess għall-arti u tippromwovi l-parteċipazzjoni inklużiva u diversità akbar fl-arti.

Rekwiżiti konformi mal-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti

F’konformità mal-impenn tiegħu li jappoġġja l-arti permezz tal-approċċ sostenibbli u responsabbli tiegħu għall-investiment pubbliku, il-KMA jiġbed l-attenzjoni tal-applikanti għal dan li ġej f’konformità mal-Istrateġija 2025.

L-applikanti huma mħeġġa jikkunsidraw, kif xieraq, il-prinċipji spjegati fid-Dritt għall-Kultura – Pakkett ta’ Riżorsi meta jizviluppaw il-proposta tagħhom b’rabta ma’ kif jimpenjaw ruħhom mal-komunitajiet u l-konsiderazzjonijiet tad-drittijiet kulturali ta’ kulħadd fix-xogħol tagħhom. Dan il-pakkett ta’ riżorsi għandu l-għan li jżid l-għarfien dwar l-inklussività u jappoġġja l-implimentazzjoni tad-drittijiet kulturali fil-prattika tagħna ta’ kuljum.

L-applikanti huma meħtieġa wkoll jikkunsidraw il-Karta għall-Istatus tal-Artist meta jipproponu l-attivitajiet operattivi u ta’ programmazzjoni tagħhom biex jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol aċċettabbli u deċenti għall-artisti u l-prattikanti kreattivi li jħaddnu l-libertà artistika, l-aċċessibbiltà, ir-rikonoxximent ta’ ħiliet formali/informali/non-formali, kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi deċenti, non-diskriminazzjoni u ekwità, konsiderazzjonijiet etiċi u aderenza mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-liġi internazzjonali tax-xogħol. Il-Karta għall-Istatus tal-Artist hija maħsuba biex tipprovdi qafas dinamiku ta’ referenza għal kwalunkwe leġiżlazzjoni, politika, jew inizjattiva li jkollha impatt dirett jew indirett fuq l-artisti u s-setturi kulturali u kreattivi, u tiżgura li kwalunkwe azzjoni tkun allinjata mal-viżjoni aħħarija fit-tul li tgħolli l-istatus tal-artisti f’Malta f’konformità mal-valur tanġibbli tagħhom għas-soċjetà.

Din l-iskema tappoġġja proposti mmirati biex jixprunaw lill-izvilupp artistiku, irawmu l-esperimentazzjoni u l-innovazzjoni, jimpenjaw, jiżviluppaw udjenzi kf ukoll jattiraw udjenzi ġodda, filwaqt li joħolqu esperjenzi bbażati fuq prinċipji ta’ eċċellenza. Dan il-mekkaniżmu ta’ appoġġ jinkuraġġixxi wkoll proġetti ta’ riċerka bbażati fil-komunità.

L-iskema għandha żewġ għażliet – għażla ta’ għajnuna mill-Istat (State aid) u għażla mingħajr għajnuna mill-Istat (non-State aid). L-għażla ta’ għajnuna mill-Istat hija disponibbli għal impriżi li jwettqu attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, li għalihom l-għajnuna tingħata skont ir-Regolament de minimis. L-għażla mingħajr għajnuna mill-Istat hija disponibbli għal dawk l-applikanti li ma jwettqux attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, kif ukoll għal proġetti proposti li ma jinvolvux attività ekonomika bħal din. Għal aktar informazzjoni rreferi għat-Taqsima 9 ta’ dawn il-linji gwida.

Barra minn hekk, l-applikanti jridu jikkwalifikaw bħala wieħed jew waħda minn dawn:

  • Professjonisti kreattivi/artisti individwali.
  • Entitajiet irreġistrati mar-Reġistru dwar in-Negozju ta’ Malta (inklużi kumpaniji, sħubiji, fondazzjonijiet u organizzazzjonijiet/assoċjazzjonijiet)
  • Gruppi, kollettivi u konsorzji
  • Koperattivi rreġistrati
  • Organizzazzjonijiet volontarji iskritti mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.

Agħfas hawn għal-linji gwida. Agħfas hawn għal kopja tal-applikazzjoni.

Skip to content