L-istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti għall-Industriji Kulturali u Kreattivi (CCIs) tirrikonoxxi l-ħtieġa li tgħin biex jinħoloq ambjent fejn l-intrapriżi kulturali u kreattivi jistgħu jsibu appoġġ immirat biex jgħinhom jikbru b’mod sostenibbli. Il-Fond għall-Innovaturi u l-Pjattaformi Kreattivi għalhekk huwa ddisinjat biex jippromwovi l-innovazzjoni u t-tkabbir fis-Setturi Kulturali u Kreattivi (CCS).
Il-fond CIP jagħmel parti mill-isforzi kurrenti tal-KMA sabiex jippromwovi ekosistema b’saħħitha għall-operaturi tas-CCS billi jinċentivahom jinvolvu ruħhom f’inizjattivi ta’ riċerka u żvilupp. Dan il-fond jirrikonoxxi l-ħtieġa fundamentali għall-kreattivi biex jinkorporaw ir-riċerka u l-iżvilupp fil-prattika tan-negozju tagħhom bħala parti essenzjali tal-istrateġija tagħhom għat-tkabbir u s-sostenibbiltà. 
Il-fond jikkonsisti fi tliet fażijiet: il-finanzjament ta’ avvjament, il-bini tal-kapaċitajiet, finanzjament fuq tliet snin.
Fażi 1
• Hija miftuħa għal operaturi li jirrikjedu appoġġ ta’ avvjament sabiex jirriċerkaw u jiżviluppaw l-ideat. Din il-fażi hija maħsuba biex tagħti bidu għall-innovazzjoni fi ħdan in-negozji fis-CSS fil-livelli kollha irrispettivament mil-livell ta’ esperjenza tagħhom. Din il-fażi se tagħti l-ewwel 25 applikant eliġibbli somma f’daqqa ta’ €2,000 bħala appoġġ ta’ avvjament biex jibdew ħidma ta’ riċerka li tikkontribwixxi għal innovazzjoni, prattiki mtejba u żvilupp fix-xogħol tal-applikant. L-applikanti għandhom jimlew applikazzjoni fuq is-CRM tal-KMA fejn jispjegaw l-ideat tagħhom b’mod ċar u dettaljat, u juru l-iskopijiet u l-metodi tal-proposta tar-riċerka tagħhom. Eżempji tal-metodi magħżula jistgħu jkunu ppjanar kummerċjali preliminarju, analiżi SWOT jew analiżi tal-kapaċità interna, analiżi tal-katina tal-valur, riċerka ta’ qabel l-inkubazzjoni, wiri ta’ innovazzjoni, riċerka dwar il-prodott, analiżi dwar is-suq u l-kompetizzjoni, fost oħrajn. L-ewwel 25 applikant eliġibbli se jingħataw xahrejn biex jaħdmu fuq ir-riċerka tagħhom u biex jadottaw il-metodi magħżula tagħhom biex jaħdmu fuq l-idea kummerċjali tagħhom. Fi tmiem dawn ix-xahrejn, l-applikanti għandhom jissottomettu rapport fuq is-CRM tal-KMA.      
• Il-25 applikant eliġibbli se jingħataw għotja ta’ €2,000 ’l wieħed; 10 mill-applikanti eliġibbli se jintgħażlu u se jimxu għat-tieni fażi ta’ dan il-fond.
Fażi 2
• Hija miftuħa għall-applikanti li ntgħażlu fl-ewwel fażi. Din it-tieni fażi tirreferi għal programm ta’ bini tal-kapaċitajiet u ta’ inkubazzjoni mmirat li jagħti appoġġ lil massimu ta’ għaxar benefiċjarji sabiex ikunu jistgħu jkomplu jiżviluppaw ir-riċerka u l-ideat tagħhom. Il-benefiċjarji se jintgħażlu skont proċess ta’ evalwazzjoni li hija bbażata fuq il-kwalità tar-rapporti li jkunu ppreżentaw wara l-ewwel fażi. Tul it-tieni fażi, il-benefiċjarji se jkunu jistgħu jibbenifikaw mill-appoġġ ta’ esperti fl-industrija sabiex itejbu l
-pjanijiet tagħhom. Fi tmiem dan il-proċess, se jiġu mistiedna biex jippreżentaw l-ideat tagħhom quddiem bord ta’ evalwaturi. L-applikanti se jingħataw l-opportunità li jimxu għat-tielet fażi u li jirċievu finanzjament għal tliet snin konsekuttivi biex jappoġġaw ix-xogħol tagħhom.     
Fażi 3
• Se tappoġġa erba’ benefiċjarji li se jirċievu finanzjament li jkopri tliet snin ta’ attivitajiet, inklużi l-ispejjeż operattivi li jikkwalifikaw. Il-fond huwa konformi mal-impenn tal-KMA li jagħti setgħa lill-intraprendituri kulturali biex jaġixxu bħala aġenti ta’ bidla u viżjunarji mgħammra b’riżorsi li huma kapaċi jiġġeneraw kapital kulturali, ekonomiku u soċjali permezz tal-attivitajiet tagħhom.  
Barra minn dan, permezz ta’ dan il-fond, il-KMA qed ikompli jappoġġa artisti biex jistabbilixxu prattiki ekonomiċi sostenibbli.
Il-fond għandu dawn l-għanijiet:
• joħloq ambjent li jappoġġa u joħloq opportunitajiet ġodda għal negozji, organizzazzjonijiet u individwi li jaħdmu fis-setturi kulturali u kreattivi.
• jinċentiva operaturi kulturali u kreattivi biex jibdew proġetti innovattivi ġodda li jwasslu għal operati kummerċjali, u servizzi u prodotti kreattivi ġodda jew imtejba.
• itaffi parti mill-ispejjeż u r-riskji assoċjati mar-riċerka u l-iżvilupp.
• jinċentiva l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet tekniċi li jwasslu għal kompetittività u sostenibbiltà mtejba fi ħdan in-negozji fis-CSS.
• iżid l-opportunitajiet għal professjonalizzazzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi bil-għan li jiżviluppa kultura intraprenditorjali iżjed b’saħħitha fi ħdan ekoloġija kreattiva li kulma jmur qed issir iżjed kompetittiva u dinamika.
• joħloq ambjent fejn jistgħu jinġabru flimkien clusters ta’ CCI u jikbru.
Ir-Rekwiżiti konformi mal-Istrateġija tal-KMA 2025
F’konformità mal-impenn li jappoġġa l-arti permezz tal-approċċ sostenibbli u affidabbli tiegħu lejn l-investiment pubbliku, il-KMA qed jiġbed l-attenzjoni tal-applikanti għal dan li ġej skont l-Istrateġija 2025 tiegħu:
L-applikanti huma meħtieġa jikkunsidraw il-prinċipji li jinsabu fil-Pakkett tar-Riżorsi tal-KMA, Dritt għall-Kultura meta jiżviluppaw il-proposta tagħhom dwar kif se jinvolvu ruħhom mal-komunitajiet u kif se jqisu d-drittijiet kulturali ta’ kulħadd f’xogħolhom. Il-pakkett tar-riżorsi għandu bħala għanijiet li jżid l-għarfien dwar l-inklussività u li jappoġġa l-implimentazzjoni tad-drittijiet kulturali fil-prattika tagħna ta’ kuljum. 
L-applikanti huma meħtieġa jikkunsidraw ukoll il-Karta għall-Istatus tal-Artist meta jipproponu l-attivitajiet operattivi u tal-programmazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ta’ ħidma aċċettabbli u diċenti għal artisti u prattikanti kreattivi. Din il-karta tħaddan il-libertà artistika, l-aċċessibbiltà, ir-rikonoxximent formali/informali/mhux formali ta’ ħiliet kundizzjonijiet soċjoekonomiċi diċenti, in-nondiskriminazzjoni u l-ekwità, kunsiderazzjonijiet etiċi u l-aderanza mad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-liġi internazzjonali tax-xogħol. L-għan tal-Karta għall-Istatus tal-Artist huwa li jipprovdi qafas dinamiku ta’ referenza għal kwalunkwe leġiżlazzjoni, politika jew inizjattiva li b’mod dirett jew indirett jaffettwaw l-artisti u s-setturi kulturali u kreattivi. Hija tiżgura li kwalunkwe azzjoni meħuda hija konformi mal-viżjoni aħħarija fit-tul li jiġi elevat l-istatus tal-artisti f’Malta skont il-valur tanġibbli tagħhom lejn is-soċjetà.